Il-Whistleblowers, li qed jaġixxu fl-interess pubbliku, għandhom ikunu protetti mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan meta għad hemm ħafna pajjiżi li m’għandhomx Liġijiet li jipproteġu Whistleblowers. Min-naħa l-oħra, ħafna mill-pajjiżi li għandhom Liġi bħal din, ma jenfurzawhiex kif suppost.
Hekk qal il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li hu wkoll il-Kordinatur tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Hu kien qed jitkellem waqt l-approvazzjoni ta’ dokument li kien responsabbli għall-kitba tiegħu dwar il-Protezzjoni tal-Whistleblowers.
Id-dokument kien approvat b’50 vot favur u żewġ astensjonijiet waqt sessjoni tal-Kumitat għall-impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, li nżammet fi Brussell. Fih kienu elenkati wkoll il-każijiet f’pajjiżna, fejn Whistleblowers li kixfu l-ħażin li għamel il-Gvern Laburista kienu kkundannati huma stess.
Id-dokument ippreżentat minn David Casa jappella għall-konsistenza fil-leġislazzjonijiet differenti li jadottaw l-Istati Membri, b’mod partikolari meta l-każijiet jitrattaw ukoll pajjiżi differenti.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew sostna li l-Whistleblowers għandhom rwol fundamentali biex iservu ta’ deterrent kontra l-abbużi u l-korruzjoni, filwaqt li għandu jkun meqjus bħala parti mill-mekkaniżmu akkontabbli fl-iskrutinju lill-Gvernijiet Nazzjonali u anke lill-kumpaniji.
David Casa rrikonoxxa li min ikun Whistleblower jista’ jsib ma’ wiċċu riskji kbar u għalhekk, għandu jkun hemm aktar ċertezza legali madwar l-Istati Membri kollha ħalli dawn ikunu protetti.
//= $special ?>