Lokali

Ippublikat studju dwar l-użu tal-internet fost l-adoloxxenti

65.5% jużaw l-internet għal skop ta' divertiment u 13.9% ma jużawx l-internet b'mod frekwenti

L-Internet hu għodda importanti li rridu ngħarfu x’impatt jista’ jkollu jekk ikun użat tajjeb jew ħażin b’mod partikolari mill-adoloxxenti.

Spjegat dan il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca hekk kif kienet qed titkellem waqt li saret spjega ta’ studju dwar l-użu tal-internet għal skop ta’ divertiment minn adoloxxenti ta’ bejn it-13 u s-16-il sena.

L-istudju sar miċ-ċentru nazzjonali għall-ħelsien mill-vizzji.

Minn dan l-istudju joħroġ li fost l-adoloxxenti li pparteċipaw fih, 13.9% ma jużawx l-internet b’mod frekwenti.

65.5% jużaw l-internet għal skop ta’ divertiment b’mod regolari u bħala parti mit-rutina tagħhom.

L-istudju juri wkoll li 5.2% żviluppaw xi problema minħabba l-użu tal-internet għal skop ta’ divertiment. Imbgħad 15.4% huma kkunsidrati bħala risk users tal-internet – Li qegħdin f’xi tip ta’ riskju li jiżviluppaw xi problema.

Il-President ta’ Malta qalet li dawn ir-riżultati m’għandhomx jallarmaw lin-nies b’mod partikolari lill-ġenituri. Qalet li m’għandniex nibżgħu mill-internet imma ċ-ċavetta biex neliminaw kull riskju hi l-edukazzjoni.

Marie Louise Coleiro Preca qalet wkoll li dan l-istudju hu kollaborazzjoni akkademika eċċellenti li jagħti lok għal aktar għafien għal min ifassal il-liġijiet f’pajjiżna fejn tidħol is-sigurta’ ta’ min hu vulnerabbli fis-soċjeta’.

Dan hu t-tielet studju li sar miċ-ċentru nazzjonali għall-ħelsien mill-vizzji. Kull studju janalizza etajiet u l-isfond soċjali differenti tal-persuni. Din id-darba kien imiss l-użu tal-internet minn adoloxxenti ta’ bejn 13 u 16-il sena.