Futbol Sport

KICKBOXING – Riżultati ferm pożittivi tal-Maltin kontra l-barranin

(Ritratt– Martin Agius)

Dan l-aħħar atleti Maltin rebħu l-ġlidiet kollha K1 kontra atleti mill-Italja, l-Iżvezja u Franza waqt il-Gladiators Fight Night 17 li saret fit-trakka ta’ Ħal-Far.

Kien il-kickboxer Shaun Falzon li rebaħ il-Gladiators’ Title Belt iddedikat lill-mibki Reuben The Wolf Azzopardi, wara li rebaħ il-ġlieda ta’ 4 rounds kontra l-Franċiż Fichelle Jordan Frederic.

Iżda Falzon issorprenda lil kulħadd meta, wara li ngħata ċ-ċintorin, stqarr li jinsab kuntent ħafna li rebħu, però jħoss li ma ħaqqux iżommu, u għalhekk dak il-ħin stess ta ċ-ċintorin lura lill-qraba ta’ Azzopardi, li miet traġikament sitt xhur ilu.

Is-serata ta’ kickboxing u K1 kienet tinkludi 15-il ġlieda; 7 lokali u 8 internazzjonali. Il-ġlidiet lokali kienu kollha fil-kategorija Amateur, għajr għal waħda Semi-Pro.

Il-ġlidiet internazzjonali kienu jinkludu tnejn Amateur, erbgħa Semi-Pro u tnejn Pro. Fil-kategorija Pro irrappreżentaw lil Malta Christopher Wolverine Rotin u Keith Speed Azzopardi, li t-tnejn rebħu fuq l-avversarji ta’ livell għoli mill-Italja; Stefano Camaioni u Ovidu Mironescu.

L-atleti Maltin Celeste Galea, Jesred Piscopo u Clayton Desira rebħu kontra avversarji Taljani fil-kategorija Semi-Pro, filwaqt li Rebecca Car u Julian Mangion rebħu fil-kategorija Amateur kontra avversarji Żvediżi u Taljani.

Ta’ min isemmi li fost l-iktar ġlidiet kumbattuti u sbieħ kien hemm dik ta’ Jesred Piscopo liema ġlieda spikkat fost l-oħrajn.

It-timijiet Maltin li l-atleti tagħhom ikkompetew f’din is-serata kienu Ying Yang Club – Team Noel, The Jet KB Club, Jalen KB, Kibishi Mitchi KB, Wu Shu Ky, u Malta Thai Boxing.