Hemm bżonn ta’ miżuri konkreti biex ikun indirizzat in-nuqqas ta’ Għalliema li jista’ jkun fil-futur fil-pajjiż.
Hekk appellat l-Union tal-Għalliema (MUT), wara l-karba li Għalliem għamel fuq Facebook għall-ammont miżeru ta’ persuni li qed japplikaw għall-korsijiet ta’ Għalliema.
Il-‘post’ li kiteb l-Għalliem ġibed l-attenzjoni tal-Gvern, bl-MUT issa tgħid li qed tistenna b’ħerqa kif il-Gvern se jkun qed jiddiskuti titjib fil-kundizzjonijiet tal-Għalliema ħalli jiġu attirati l-aħjar persuni possibbli.
L-MUT innutat kif ‘Working Group’ li kien inħoloq biex jestabilixxi dawn il-kundizzjonijiet baqa’ qatt ma qabad ir-ritmu għax għandu bżonn aktar riżorsi biex ikun jista’ jaħdem kif meħtieġ.
Barra minhekk, hu mistenni li l-Gvern jappoġġja aktar lill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta biex tkun aktar attraenti għal studenti prospettivi, filwaqt li tipprovdi opportunitajiet ġodda u paralleli f’dan il-qasam.
L-MUT temmet tgħid li issa l-Gvern għandu l-opportunità li jħares sew lejn din is-sitwazzjoni darba għal dejjem, bil-Union terġa’ twiegħed l-appoġġ tagħha f’negozjati għal pakkett ġust għall-Għalliema u għall-ġid tal-pajjiż kollu.
//= $special ?>