Ambjent Internazzjonali

Nirien kbar jaħkmu l-Vulkan Vessuvju

Għadd ta’ turisti u residenti lbieraħ ġew evakwati minn partijiet tal-Vulkan Vessuvju għat-tieni darba f’ġimgħa wara diversi nirien ħakmu żoni differenti viċin il-vulkan. Id-duħħan tan-niries tela’ madwar 2 kilometri ’l fuq fl-arja u kien viżibilment ċar minn Napli.

Ftit iktar minn 600 ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili tħabtu mhux ftit sabiex ikkontrollaw nirien f’100 banda differenti madwar ir-reġjun ta’ Campania. Skont il-Protezzjoni Ċivili, in-nirien fil-Park Nazzjonali ta’ Vessuvju kienu fost l-iktar sitwazzjonijiet kritiċi.

It-Tlieta filgħaxija, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili kellhom ftit inqas minn 550 operazzjoni madwar il-pajjiż kollu, b’madwar 300 foresta u razzett, kawża ta’ xhur sħaħ ta’ temperaturi għoljin u xita batuta.

Il-mezzi tax-xandir Taljani rrappurtaw kif in-nirien bdew minn Via Valle delle Delizie fil-grigal tal-vulkan. Il-ħidma tal-protezzjoni ċivili kkumplikat ruħha meta t-Tlieta żdiedu żewġ postijiet f’ilbiċ tal-vulkan minħabba ħamrija niexfa u rjiħat li ħakmu ż-żona.

Ir-residenti tal-inħawi ġew evakwati minn djarhom it-Tnejn u tħallew jirriturnaw lura t-Tlieta wara lejl ta’ ħidma mill-protezzjoni ċivili sabiex tfew in-nirien. It-Tlieta ġew evakwati iktar ristoranti, negozji u djar bħala prekawzjoni filwaqt li l-awtoritajiet appellaw lir-residenti sabiex jassistu lir-refuġjati u jgħinu fit-tifi tan-nar.

Sadattant, f’dawn l-aħħar jiem, Sqallija nħakmet minn għadd ta’ nirien, partikolarment nirien kbar f’Enna, belt fiċ-ċentru tal-gżira, u Messina. F’xandira fuq il-paġna tal-facebook tiegħu, il-komiku u l-preżentatur Rosario Fiorello kkumpara ix-xena f’Messina man-nirien f’Ruma tas-sena 64 A.D. meta l-belt kollha nqerdet. F’każ partikolari, għexieren ta’ annimali mietu meta nqerdet medda kbira ta’ art agrikola. F’Ruma, l-awtoritajiet qalu li n-nirien fil-foresti fiż-żona ta’ Ruma żdiedu b’4 darbiet mill-1 ta’ Ġunju.