Nofs il-ħaddiema tal-Aġenzija tal-Gvern dwar il-Ħasil tal-Flus (FIAU) irriżenjaw mill-elezzjoni ġenerali tal- 2013 sal-lum. Dan hekk kif minn 29 impjegat fl-FIAU, irriżenjaw total ta’ 14-il impjegat.
Fl-aħħar xhur, il-lenti daret fuq l-aġenzija tal-Gvern l-FIAU wara li ġew illikjati diversi dokumenti u rapporti ta’ investigazzjonijiet dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi – madanakollu minkejja r-rapporti komplew jitfgħu dell ikrah fuq dawn il-każijiet, l-ebda azzjoni ma ttieħdet.
L-FIAU mhux biss laqtet il-mira tal-pubbliku fuq skala lokali, iżda anke ċ-Chairman tal-Kumitat PANA Werner Langen ikkumenta dwar episodji li jqajmu dubji fl-amministrazzjoni ta’ din l-awtorita’ tal-Gvern. L-MEP Ġermaniż ikkundanna aktar minn darba lill-Gvern Laburista dwar l-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-Panama Papers, u issa aktar riċenti dwar kif il-Gvern Laburista keċċa lil żewġ uffiċjali tal-Aġenzija tal-Gvern dwar il-Ħasil tal-Flus (FIAU).
L-informazzjoni dwar ir-riżenji tal-ħaddiema fl-FIAU ħarġet fil-pubbliku wara mistoqsija mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, fejn irriżulta li kienu nofs l-impjegati tal-FIAU li rreżenjaw minn wara d-data tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 sal-llum.
//= $special ?>