Lokali Parlament

Opportunità għal atleti u persuni ta’ eċċellenza iżda l-pajjiż ma jistax jitlef l-aqwa imħuħ tal-pajjiż

– Beppe Fenech Adami, PN

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami qal li l-liġi li se tagħti ċittadinanza lil persuni fosthom ta’ eċċellenza għandha elementi pożittivi iżda l-pajjiż irid jikkunsidra li ma jitlifx hu wkoll l-aqwa imħuħ tal-pajjiż.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament, Beppe Fenech Adami qal li l-Opożizzjoni se tivvota favur din il-liġi li fiha se tingħata ċittadinanza lil persuni ta’ eċċellenza fl-isport, fix-xjenza, l-arti, ir-riċerka u l-kultura.

Hu qal li din hi liġi li diġà tinsab f’pajjiżi barranin u sostna li din hi possibbiltà oħra kif persuni jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija.

Il-liġi tistabilxxi kriterji ċari kif din tingħata fosthom il-konnessjoni ġenwina, residenza ta’ 12-il xahar, propjetà f’Malta, proċess ta’ skrutinju u bord li japprova. L-aħħar kelma tkun tal-ministru.

Beppe Fenech Adami qal li l-pajjiż irid jikkunsidra wkoll li f’dawn is-setturi l-pajjiż qed jitlef nies kompetenti ħafna. Hu semma diveri setturi li fihom artisti, sportivi, riċerkaturi u Maltin oħra qed jirnexxielhom jagħmlu suċċess barra minn Malta.

Hu tkellem dwar l-Olimpjadi u qal li qed ikun hemm numru kbir ta’ atlet li jirrapreżentaw pajjiżi li ma jkollhom l-ebda konnessjoni magħhom ħlief li jkunu ingħataw iċ-ċittadinanza biex jilgħabu.