Noel Bonello ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żabbar ingħata ordni ta’ probation għal tliet snin u ordni ta’ trattament mal-aġenzija Caritas wara li quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea ammetta li ffroda u wettaq miżappropjazzjoni ta’ €29,000 għad-danni ta’ Josette Abela.
Abela tat il-flus lil Bonello għaliex taha x’tifhem li seta’ jirranġalha għal post tal-Gvern
Bonello, li jaħdem bħala kennies, ammetta li uża dawn il-flus biex jiffinanzja l-vizzju tal-logħob.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset li l-akkużat ammetta l-akkużi fi stadju bikri, li jbati mill-vizzju tal-logħob u li hu lest li jsegwi ordni ta’ trattament biex jeħles mill-vizzju. Hu aċċetta wkoll li jirrifondi s-somma meħuda minn Josette Abela.
Għaldaqstant, il-Qorti, wara li ħadet nota tad-dħul u l-ispejjeż tal-akkużat, ordnat li Noel Bonello iħallas lura is-somma ta’ €29,000 b’rati ta’ €250 fix-xahar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri filwaqt li Bonello kien assistit mill-Avukati Pawlu Lia u Alessandro Lia.