HIBERNIANS………………0
FC SALZBURG……………..3
Iċ-champions tal-Awstrija FC Salzburg ġew Malta biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni sa mill-ewwel leg, u rnexxielhom jagħmlu dan bl-iktar mod faċli fis-sħana ta’ Kordin meta bnew vantaġġ ta’ tliet gowls kontra ċ-champions ta’ Malta.
Hibernians għamlu dak li setgħu kontra avversarji għal kollox superjuri.
Hibernians taw kollox iżda dan evidentement ma kienx biżżejjed anki jekk bi ftit fortuna Hibernians setgħu tal-inqas skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni quddiem il-partitarji tagħhom.
Minkejja li Salzburg kellhom iktar pussess ta’ ballun, Hibernians qatt ma dehru taħt paniku u qasmu l-logħob mal-avversarji sakemm fil-31 minuta waslet l-azzjoni tal-penalty li żblukkat il-logħba.
Munas Dabbur xeħet kross għan-nofs bil-ballun iżda jaħbat ma’ id Jackson Lima u b’hekk ir-referee Kroat Fran Jovic kien pront u ordna penalty. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-plejer mill-Kosovo VALON BERISHA li ma żbaljax.
Erba’ minuti biss wara l-Awstrijaċi rduppjaw l-iskor meta Valon Berisha għadda tajjeb lejn il-plejerr internazzjonali mill-Korea ta’ Isfel HEE-CHAN HWANG li permezz ta’ xutt angulat tefa’ l-ballun fix-xibka.
Hibernians ħolqu l-ewwel periklu fit-38 minuta meta Jorge Pereira Da Silva ra x-xutt tiegħu mix-xellug u minn tarf il-kaxxa jgħaddi ftit għoli minn fuq il-lasti difiżi mill-goalkeeper Awstrijakk ta’ FC Salzburg, Alexander Walke.
Fil-ftuħ tal-tieni taqsima, FC Salzburg, komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u fl-54 minuta xutt ta’ Munas Dabbar ġie mblukkat minn Andrew Hogg li iżda ma żammx bil-ballun jaħbat mal-attakkant internazzjonali Ġappuniż TAKUMI MINAMINO, bil-ballun jaħbat ukoll ma’ sieq il-wieqfa qabel spiċċa fix-xibka.
Konxji mill-vantaġġ komdu li kellhom, FC Salzburg komplew jamministraw il-logħba u jikkontrollaw lill-avversarji tagħhom fejn ġie nnutat ħafna logħob f’nofs il-ground.
Fis-86 minuta FC Salzburg spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Valon Berisha wara foul ikrah li wettaq f’nofs il-ground fuq Rodolfo Soares, bit-tim ta’ Hibernians jersaq ferm viċin gowl ta’ konsolazzjoni fl-aħħar battuti tal-logħba, iżda kien kollu għalxejn, fejn issa Hibs imorru l-Awstrija u jittamaw f’riżultat onorevoli.
//= $special ?>