Andrew Mangion ta’ 41 sena mis-Swieqi, tard waranofsinhar tressaq quddiem il-Qorti akkużat li fis-27 u t-28 ta’ April tal-2016 wettaq serqa bi vjolenza ta’ flus u oġġetti oħra minn boathouse fl-Armier għad-dannu ta’ John Scerri u Elena Calin. Miegħu tressaq ukoll Kristijan Zekic ta’ 34 sena, imwieled fir-Russja iżda jgħix fil-Mosta, akkużat bl-istess reati.
Iż-żewġt irġiel kienu akkużati wkoll li żammew lil John Scerri u Elena Calin kontra l-volonta’ tagħhom u li kkaġunaw feriti gravi u sfreġju fuq il-persuna ta’ John Scerri u feriti ħfief fuq il-persuna ta’ Elena Calin.
Il-Prosekuzzjoni xliethom ukoll li serqu karozza tal-għamla Renault Clio għad-dannu tal-istess Scerri.
Huma kien akkużati wkoll li waqt dan ir-reat huma kellhom fuq il-persuna tagħhom arma tan-nar jew imitazzjoni ta’ arma regolari, speċifikament air pistol, li jirriżulta li nsterqet minn residenza fis-Swieqi f’Marzu tal-2016.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Mangion u Zekic wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Andrew Mangion bħalissa jinsab għaddej bi proċeduri separati hekk kif jinsab akkużat bil-qtil tal-eks mara tiegħu Eleanor Mangion Walker, liema delitt seħħ fit-3 ta’ Lulju 2016 filwaqt li Zekic jinsab akkużat b’kompliċita’ fil-ħabi tal-katavru tal-istess vittma. Huma tressqu dwar din is-serqa wara feġġew provi ġodda mill-investigazzjonijiet tat-Taqsima tal-Forensika tal-Pulizija.
Minħabba l-fatt li huma diġà jinsabu taħt arrest preventiv b’rabta mal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, l-avukati difensuri tagħhom m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Arnaud u Saviour Baldacchino filwaqt li l-Avukati Joseph Giglio u Giannella De Marco qed jassistu lil Andrew Mangion u Kristijan Zekic rispettivament.
//= $special ?>