Atletika Sport

Gemili u Rutherford jistgħu jitilfu l-Kampjonati Mondjali

Greg Rutherford kien rebaħ id-deheb fil-Long Jump waqt il-Kampjonati Mondjali li kienu saru f’Beijing fl-2015 imma issa jidher li mhux se jkun jista’ jiddefendi t-titlu li rebaħ fl-Asja

L-atleti Brittanniċi Adam Gemili u Greg Rutherford it-tnejn li huma jistgħu ma jieħdux sehem fil-Kampjonati Mondjali tal-atletika li se jsiru f’Awwissu li ġej minħabba li jinsabu f’tellieqa kontra l-ħin biex jirkupra minn injury.

Gemili ma ħax sehem fil-London Anniversary Games li saru nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju minħabba injury u riżultat ta’ dan issa jinsab f’dubju kbir jekk hux se jikkompeti quddiem il-pubbliku tiegħu stess matul ix-xahar li ġej.

Hu kien suppost se jisfida lil Zharnel Hughes fit-tellieqa tal-200m u t-tnejn li huma kienu qed jippruvaw jiksbu wildcard għall-Kampjonati Mondjali. Dan wara li ġimgħa qabel iż-żewġ atleti ma kienux ikkwalifikaw mit-Trials tar-Renju Unit u b’hekk kienu qed jittamaw li jikkwalifikaw permezz tal-London Anniversary Games.

Jekk kemm-il darba Gemili ma jikkompetix fil-Kampjonati Mondjali din tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-karriera tiegħu wara li fl-2014 naqas milli jispiċċa fuq il-podju tal-istess tellieqa waqt l-Olimpjadi. Dakinhar hu kien spiċċa fir-raba’ post fil-finali tal-200m.

L-atleta l-ieħor Rutherford, kien weġġa’ l-għaksa f’Ġunju li għadda u minħabba f’hekk ma ħax sehem fil-London Anniversary Games. L-atleta li għandu 30 sena ma ħax sehem fil-Long Jump u issa wieħed mhux biss irid jara jekk dan hux se jilħaq jirkupra biex jikkompeti f’Awwissu imma jekk dan ikunx kompettitiv waqt il-Kampjonati Mondjali.

Jekk Rutherford ma jieħux sehem ma jkunx jista’ jiddefendi t-titlu dinji li kien rebaħ fl-2015 waqt il-Kampjonati Mondjali li kienu saru f’Beijing. Tliet snin qabel kien rebaħ ukoll id-deheb waqt l-Olimpjadi li saru f’Londra.

Ta’ min jinnota li minkejja l-fatt li Rutherford jista’ ma jkunx f’sikktu biex jikkompeti hu żgur se jkun mgħajjat biex jifforma parti mit-tim tar-Renju Unit minħabba li hu l-uniku atleta dan l-istaġun li għamel qabża ta’ 8.15m li kellu bżonn biex jikkwalifika.