L-għada li għadda l-vot li jemenda l-att dwar iż-żwieġ, il-Knisja f’Malt permezz tal-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech taw ir-reazzjoni tagħhom.
L-isqfijiet qalu li minkejja dak li tgħid il-liġi, li tqis l-istess dak li mhuwiex l-istess, iż-żwieġ jibqa’ dejjem ir-rabta esklussiva bejn raġel u mara, li hu miftuħ għat-tnissil tal-ulied. Iż-żwieġ bejn raġel u mara hu l-mudell li dejjem ħaddnet l-umanità u mhux biss il-viżjoni Nisranija taż-żwieġ.
Qalu li billi l-liġi tintroduċi kunċett newtrali taż-żwieġ ċivili miftuħ għal kull tip ta’ koppja, il-liġi twarrab id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Bit-tneħħija ta’ din id-differenza, tqaċċtet il-bażi antropoloġika tal-familja. Is-soċjetà tiftaqar meta, flok taċċetta d-diversità, timponi uniformità fil-mod kif ikunu espressi r-relazzjonijiet.
Fl-istess waqt, il-Knisja tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu l-għażliet li tagħmel f’ħajjitha u r-relazzjonijiet li tħaddan. Għall-Knisja, kull persuna hi għażiża u tibqa’ għażiża għax hija maħluqa xbieha ta’ Alla. Il-Knisja impenjata wkoll li tibqa’ tilqa’ fi ħdanha, takkumpanja u tgħin lil dawk il-persuni li jagħżlu li jgħixu l-ħajja affettiva tagħhom f’kuntest differenti minn dak taż-żwieġ Nisrani.
Il-Knisja tittama li din il-liġi ma tkunx segwita b’miżuri oħra li jnaqqsu mid-dinjità tal-ulied, bħal pereżempju l-kiri tal-ġuf (surrogacy) u d-donazzjoni tal-gameti (gamete donation). Il-Knisja tappella lis-soċjetà biex tibqa’ tagħraf li l-ulied huma don li għandu jkollhom dejjem l-ambjent adattat fejn jitnisslu, jitwieldu u jikbru b’mod seren u b’ħafna mħabba, u li l-vuċi tagħhom tinstema’ b’mod qawwi fis-soċjetà Maltija.
Quddiem din ir-realtà, il-Knisja, kif għamlet dejjem, se tkompli taħdem biex jissaħħu ż-żwiġijiet u l-familji f’pajjiżna, u tibqa’ turi l-apprezzament lejn tant ommijiet u missirijiet li qed jitħabtu biex jgħixu b’fedeltà l-missjoni insostitwibbli tagħhom u jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom.
//= $special ?>