Lokali

Il-PL jgħid li għamel profitt ta’ ftit inqas minn €100,000 fil-kampanja elettorali

Din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista ttellat qabel ma' ingħata bidu għall-elezzjoni għall-Deputat Mexxej

Waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Partit Laburista qal li matul l-aħħar kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet irnexxielu jagħmel profitt ta’ ftit inqas minn €100,000. Dan hekk kif fir-rapport finanzjarju li nqara, il-Partit Laburista qal li nefaq total ta’ €1,279,839 – filwaqt li qal li daħħal total ta’ €1,370,714 mill-maratoni.

Din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja ġiet imtella’ eżattament qabel infetaħ il-vot tad-delegati Laburisti biex jintagħżel Deputat Mexxej ġdid, biex jieħu post Louis Grech. Għal din il-kariga qed jikkontestaw Helena Dalli, Chris Fearne u Edward Scicluna.

Matul din il-konferenza, il-Partit Laburista approva unanimament l-approvazzjoni ta’ sitt delegati onorarji li kienu parti mit-tmexxija tal-Partit Laburista tul is-snin. Dawn huma l-President Emeritus George Abela, Joe Brincat, Joe Debono Grech, George Vella, Louis Grech u Charles Mangion li għadu kif ġie maħtur Chairman tal-Air Malta ftit tal-jiem ilu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza lid-delegati Laburisti preżenti fis-sala, fejn qal li jinsab iddiżappuntat li mid-deputati eletti f’isem il-Partit Laburista hemm nuqqas kbir ta’ nisa, fejn b’kollox hemm 4 deputati f’isem il-Partit Laburista. B’hekk Joseph Muscat qal li se jkun qed iressaq tibdil fl-istruttura tal-proċess elettorali biex jiġu involuti aktar nisa fid-dinja politika. Madanakollu, ma ntqal xejn dwar dawn il-proposti għat-tibdil. Aktar tard, indirizzat lill-folla preżenti l-Ewroparlamentari Miriam Dalli li se tkun qed tmexxi programm intern fil-Partit Laburista biex jitrawmu aktar nisa fil-politika, bi pjan li jilħaq il-qofol tiegħu għaxar snin oħra. Dan il-proġett tal-Partit Laburista għandu jwassal biex nofs il-kandidati Laburisti sal-elezzjoni ġenerali tal-2027 ikun qed jikkontesta b’nofs il-kandidati jkunu nisa.