Luciano Tabone x-xufier li l-Erbgħa filgħodu tajjar it-tfajla taħt il-mina ta’ San Ġiljan tressaq il-Qorti akkużat bil-mewt tar-Rumena Loredana Nemes.
Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, ix-xufier, li għandu 59 sena li jgħix Ħal Balzan wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000.
Huwa ġie akkużat b’sewqan traskurat, nuqqas ta’ ħsieb jew nuqqas ta’ ħila u tal-ħarsien tar-regolamenti u anke li kien qed isuq b’veloċità aktar mil-limitu tat-triq kkaġuna l-mewt ta’ Loredana Nemes f’inċident li seħħ għall-ħabta tal-04.30 ta’ filgħodu fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan.
Fil-Qorti il-Ħamis waranofsinhar xehed Luciano Agostini, sieħeb it-tfajla fejn rrakonta x’seħħ qabel l-inċident u qal li lejliet kien mar jiekol ma’ Nemes flimkien ma’ ħuh f’San Ġiljan. Huwa kompla billi qal li wara marru jieħdu cocktail u hu u tfajla telqu lejn l-appartament tagħhom f’San Ġwann għall-ħabta tas-02.00 ta’ filgħodu. Huwa qal li hekk kif kienu fl-appartament hu u tfajla kellhom argument, u għalhekk ippakkja ħwejġu u telaq bil-mixi lejn il-post fejn kien qed joqgħod ħuh f’Paceville.
Agostini qal li hu ma ndunax li t-tfajla tiegħu kienet qed issgwih sakemm taħt il-mina sema’ ħoss qawwi u ra lit-tfajla tiegħu mal-art. Huwa stqarr li ma jiftakarx jekk semax il-ħoss tal-brejkijiet u fil-Qorti għaraf lix-xuffier.
Bħala xhieda deher ukoll ħu Agostini, Raffaele, li wkoll jgħix Ruma u jinsab Malta għal btala. Qal dakinhar it-tfajla kienet kuntenta aktar mis-soltu għax miegħu kien ġab basket mimli ħwejjeġ m’għand omm il-vittma.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Nikolai Sant.
//= $special ?>