Il-Union Maltija tal-Għalliema (MUT) talbet lill-Gvern biex jikkunsidra jgħolli l-pagi u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema. Il-Union qalet dan fi stqarrija wara li l-korsijiet universitarji sabiex wieħed jilħaq għalliem qed dejjem jaraw nuqqas ta’ studenti.
L-MUT qalet li tinsab lesta biex tiddiskuti mal-Gvern sabiex jiġu attirati l-aqwa persuni għal din il-professjoni, kif ukoll jinżammu dawk li diġà jgħallmu.
Fost l-oħrajn l-MUT qed tipproponi li kulħadd jiżdied fil-paga, minn Kindergarten Assistants sa Uffiċjali Edukattivi u Tekniċi.
Barra minn hekk, tkompli l-istqarrija, intalab ukoll li l-Gvern jagħmel li jista’ biex iwieżen lill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta billi jipprovdi opportunitajiet ġodda għal dawk li diġà qed jaħdmu imma jonqoshom aktar taħriġ fil-pedagoġija, jiġifieri fid-dixxiplina tal-istudent.
Issemma wkoll il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim, l-LOFs (Learning Outcome Framework), li wara diskussjoni nazzjonali mhux se jiġu implimentati minn Settembru li ġej.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Gvern issa għandu ċ-ċans li jħares dawn l-isfidi bi ftehimiet settorjali li reġgħu ġew fis-seħħ. L-MUT qalet li jekk l-Ekonomija hija tassew b’saħħitha issa huwa xieraq li jsir investiment bix-xieraq u ġust fl-għalliema.
//= $special ?>