Internazzjonali Kurżitajiet Turiżmu

Mara minn New Zealand maqtula bi blast ta’ magna t’ajruplan f’ Sint Marteen

Mara ta’ 57 sena minn New Zealand mietet meta ttajret minn blast minn magna b’saħħitha ta’ ajruplan kummerċjali tat-tip Boeing 737 fl-Ajruport Internazzjonali Princess Juliana fil-gżira Olandiża ta’ Sint Marteen fil-Karibew.

Il-Pulizija fi stqarrija qalet li l-mara nstabtet lura mal-konkrit bil-blast waqt li kienet qed iżomm maċ-ċint tal-periferija tal-ajruport, 50 metru ’l-bogħod mill-bajja ta’ Maho, u kawża t’hekk sofriet ġrieħi fatali f’rasha. Din il-bajja hija popolari mat-turisti madwar id-dinja għall-periklu li hemm peress li l-ajruplani jittajru fil-baxx fuq ir-ramel sabiex jinżlu fl-ajruport

Minkejja t-tabelli prominenti ta’ twissija kontra l-blast perikoluż li joħloq l-ajrpulan fl-inżul, wieħed jista’ jara għadd ta’ filmati ta’ nies jżommu maċ-ċint sabiex jevitaw li jittajru jew saħansitra jinqatgħu mill-art.

L-istqarrija tal-Pulizija ta’ Sint Marteen temmet billi ħeġġet lin-nies ma jingaġġawx f’din il-prattika perikoluża ħafna.