Internazzjonali

Miet id-dissident Liu Xiaobo

Id-dissident Ċiniż u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, Liu Xiaobo, miet f’età ta’ 61 sena.

Hu kien qed jisskonta piena ta’ 11-il sena ħabs talli kien xewwex kontra l-Gvern Ċiniż. Hu kien l-aktar attivist prominenti favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-Ċina. Ix-xahar li għadda hu kien trasferit mill-ħabs lejn sptar u kien qed jingħata kura għall-kanċer fil-fwied.

Hu kien professur tal-università imma kien ittimbrat kriminal mill-awtoritajiet.

F’dawn l-aħħar ġranet kien hemm polemika kbira minħabba l-mod kif kien qed jingħata kura Liu b’diversi Gvernijiet Ewropej joffru li jibgħatu t-tobba biex jikkurawħ.

Din hi l-ewwel darba minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija li rebbieħ ta’ Premju Nobel għal Paċi miet fil-priġunerija.

Liu kien spiċċa fl-inkwiet ftit wara il-Logħob Olimpiku tal-2008 wara li hu u oħrajn kienu kitbu manifest imsejjaħ “iċ-Charter 08”. Dan b’sejħa għal bidla demokratika fit-tmexxija tal-pajjiż.