Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ jagħti prjiorità assoluta lis-settur edukattiv kif ukoll dak taż-żgħażagħ. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Eżekuttiv tal-Kunsill Studenti Universitarji. Simon Busuttil, filwaqt li awgura lill-membri tal-Eżekuttiv tal-KSU, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem id f’id mal-istudenti u jara li l-ideat tagħhom jiġu implimentati.
Minn naħa tiegħu, l-President tal-KSU Robert Napier ippreżenta l-pjan ta’ ħidma tal-KSU għas-sena li jmiss, filwaqt li spjega li l-akbar sfida għall-istudenti hi dik tal-parkeġġ. Hu ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla, l-KSU se jkun qed jibda stħarriġ fost l-istudenti tal-Università biex imbagħad isir rapport u pjan ta’ azzjoni biex tiġi indirizzata din l-isfida.
Temi oħra diskussi kienu l-attivitajiet annwali bħall-Freshers’ Week li se ssir bejn it-2 u s-6 ta’ Ottubru, kif ukoll żjarat barra minn Malta. Il-membri tal-KSU qalu wkoll li se jkunu qed jinsistu mal-awtoritajiet li l-Librerija tal-Università tkun miftuħa 24 siegħa kuljum.
Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin u d-Djalogu Soċjali David Agius, mill-Kelliema għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u mill-Kelliem għall-Kultura u l-Media Karl Gouder.
//= $special ?>