Wara li l-Air Malta ħadet id-deċiżjoni li tissospendi t-titjiriet tagħha lejn Frankfurt fil-Ġermanja – fl-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi l-ġdid, l-Air Malta reġgħet lura minn din id-deċiżjoni u ħabbret li l-linja tal-ajru nazzjonali se tibqa’ ttir lejn Frankfurt.
Xhur ilu, bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri biex jonqsu l-ispejjeż tal-kumpanija, tħabbar li l-Air Malta kienet se twaqqaf it-titjiriet tagħha mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta lejn Frankfurt fil-Ġermanja. Issa, minn Novembru li ġej, l-Air Malta se terġa’ tibda s-servizzi tagħha lejn Frankfurt b’erba’ titjiriet fil-ġimgħa fix-Xitwa, u kuljum mis-Sajf li ġej.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li minkejja li l-linja tal-ajru nazzjonali ssospendiet it-titjiriet tagħha lejn Frankfurt dan is-sajf, is-servizz l-ġodda tal-Air Malta ser jiġu appoġġjati permezz ta’ bejgħ aktar aggressiv mill-linja tal-ajru li qegħda torganizza mill-ġdid il-qasam kummerċjali tagħha fil-Ġermanja. L-Air Malta qalet li aktar bidliet ulterjuri huma mistennija fil-qasam kummerċjali u se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-lenti reġgħet daret fuq l-Air Malta wara li l-Gvern ħatar l-eks Deputat Mexxej u eks Ministru Laburista Charles Mangion bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-Air Malta. Dan wara r-riżenja ta’ Maria Micallef mill-ogħla kariga tal-linja nazzjonali tal-ajru. Fil-verżjoni stampata, MaltaToday irrapportat li Maria Micallef setgħet spiċċat mill-kariga għax ġiet mitluba tirriżenja. Dan seta’ kien il-każ biex it-tmexxija tal-Air Malta tingħadda speċifikament f’idejn persuna magħżula minn Kastilja.
//= $special ?>