Futbol Sport

Valletta jifrustraw lil Utrecht

Ryan Camilleri jirbaħ id-dwell ma' Simon Makienok (Ritratt: Trevor Sollars)

VALLETTA………..0

UTRECHT………….0

Valletta: H. Bonello, U. Umeh, S. Borg, R. Camilleri, J. Cruz Gill, J. Zerafa, S. Malano, C. Pani, R. Romao (K. Nwoko 70’), M. Mifsud (R. Briffa 88’), M. Velasco (J. Borg 74’)

Utrecht: D. Jensen, M. van der Maarel, G. Kerk (B. Ould-Chikh 88’), Y. Ayoub, S. Makienok, Z. Labyad, J. Hardeveld (U. Emanuelson 80’), W. Janssen, S. Kaliber, S. van der Streek, E. Braafheid

Imwissija: R. Romao 60’, M. Mifsud 78’, S. Borg 80’, C. Pani 83’ (V), J. Hardevald 60’, Z. Labyad 63’ (U)

Referee: Ognjen Valjic (Bożnja)

Assistenti Referees: Senad Ibrisimbegovic, Sreten Udovicic (Bożnja)

Attendenza: 1795

Valletta kisbu riżultat pożittiv meta fil-Hibernians Stadium temmew il-partita f’riżultat ta’ 0-0 kontra t-tim ferm aktar kwotat ta’ Utrecht, f’logħba valida mill-ewwel leg tat-tieni rawnd tal-UEFA Europa League. Partita li ntlagħbet quddiem folla sabiħa miż-żewġ settijiet ta’ partitarji, li iżda naqset li tkun spettakolari, bl-okkażjonijiet fil-lasta jkunu ftit.

Il-kowċ ta’ Valletta Zoran Popovic għandu jkun kuntent bil-prestazzjoni tat-tim hekk kif kienu pożizzjonati tajjeb u llimitaw id-danni li setgħu joħolqu l-avversarji, bil-gowlkiper Henry Bonello aktar ikun impenjat b’diversi krosses u blalen fit-tul, milli bil-konklużjonijiet.

Il-kollettiv kien l-aktar li spikka għal Valletta iżda fost l-oħrajn spikkaw il-prestazzjonijiet ta’ Juan Cruz Gill li lagħab fid-difiża fl-ewwel taqsima, filwaqt li kien aktar f’nofs il-grawnd fit-tieni taqsima, Ryan Camilleri fid-difiża u Uchenna Umeh. Dan mingħajr ma jnaqqas il-mertu tal-plejers l-oħra.

Wieħed żgur kien jistenna aktar minn Utrecht, tim li fl-istaġun li għadda spiċċa fir-raba’ post fl-ogħla diviżjoni Olandiża. Huma kellhom il-kmand tal-logħba, iżda ma għarfux jagħmlu użu mit-teknika u l-fiżika superjuri, fejn ġew newtralizzati tajjeb mill-plejers Beltin.

Huma bdew jibbażaw ħafna l-attakki tagħhom fuq il-plejer twil Simon Makienok li minkejja li beda jieħu ħafna blalen, ma bdewx isarfu f’azzjonijiet perikolużi. Mal-ħin, l-Olandiżi bdew ikunu frustrati aktar u dan wassal għal nuqqas ta’ perfezzjoni fil-passaġġi tagħhom.

Valletta kienu tajjeb fl-ewwel taqsima fejn ħallew l-inizjattiva f’idejn l-avversarji u għalqu kif setgħu, bit-tim Olandiż ftit ikun perikoluż lejn il-lasta ta’ Henry Bonello fejn l-aktar li ħolqu periklu kien b’diversi krosses li ħolqu ftit inċertezza fid-difiża.

Valletta ħolqu l-ewwel periklu serju tal-logħba wara 14-il minuta meta Romeu Romao qabbeż tajjeb fil-kaxxa lejn Maximiliano Velasco li xxutja mill-ewwel, iżda l-gowlkiper Jensen salva f’darbtejn. Utrecht wieġbu fl-20 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Zakaria Labyad li kien salvat minn Henry Bonello.

L-Olandiżi kellhom l-inizjattiva iżda naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed u kien man-nofs siegħa logħob li reġgħu ħolqu periklu lejn il-lasta avversarja, b’xutt insidjuż ta’ Sander van de Streek li Henry Bonello salva mingħajr ma żamm, bid-difiża Beltija tbiegħed il-periklu. Il-ħin beda għaddej u Valletta bdew jagħmlu l-kuraġġ u erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, kienu perikolużi b’xutt fil-baxx ta’ Romeu Romao fuq in-naħa leminija, li ħoloq diffikultà lil Jansen li dawwar f’korner kif seta’.

Utrecht ħarġu fit-tieni taqsima jfittxu l-gowl u fil-50 minuta kienu perikolużi b’xutt insidjuż ta’ Sean Klaiber, iżda l-gowlkiper Henry Bonello blokka tajjeb b’siequ. Ftit sekondi wara, kien Zakaria Labyad li prova b’xutt minn barra l-kaxxa li iżda għadda ftit għoli.

L-Olandiżi bdew iżidu fir-ritmu tagħhom iżda baqgħu mhux perikolużi, u l-furja tal-ewwel minuti tat-tieni taqsima naqset, b’Valletta jibdew jikkontrollaw il-logħba mingħajr periklu żejjed.

Fil-perjodu ta’ nofs it-tieni taqsima, il-logħba kienet aktar wieqfa milli milgħuba, u dan ippermetta lil Valletta jikkalmaw ir-ritmu tal-Olandiżi, li mal-ħin reġa’ żied iżda għal darba oħra, il-gowlkiper ta’ Valletta reġa’ ma kienx impenjat.

Valletta kienu perikolużi lejn l-aħħar fejn appellaw għal penalty għal kross ta’ Michael Mifsud, iżda r-referee Valjic ħalla l-logħob għaddej. Għajr dan l-appell, il-pussess kien ħafna drabi f’saqajn Utrecht li madankollu kien biss karatterizzat minn pressjoni biss, bil-Beltin jirnexxielhom jikkonsmaw il-pressjoni finali għal riżultat li jħalli l-kwalifikazzjoni miftuħa għat-tieni partita li tintlagħab il-Ħamis 20 ta’ Lulju fi Stadion Galgenwaard.