Lokali

Aktar kritika għall-bidla fil-masterplan ta’ SmartCity

Din l-Art Ħelwa tappella lill-Gvern biex jonora l-obbligazzjonijiet tal-kuntratt

Id-deċiżjoni li ssir bidla fil-masterplan ta’ Smartcity biex tippermetti l-bini ta’ numru kbir ta’ appartamenti ġabet kritika qawwija minn żewġ għaqdiet fuq iż-żewġ naħat opposti; l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin u Din l-Art Ħelwa.

Din l-Art Ħelwa qed tappella lill-gvern biex jassigura li Smartcity tonora l-obbligazzjonijiet tal-kuntratt jew li l-permessi għall-bini jiġu revokati.

Fi stqarrija Din l-Art Ħelwa qalet li jekk ikun hemm bidla fl-użu, iż-żona kbira ta’ quddiem il-baħar għandha tittieħed lura waqt li jkun ikkunsidrat jekk għandix tiċkien iż-żona ta’ żvilupp. Il-prinċipju li art tal-gvern tintuża għal skopijiet spekulattivi għandhom jieqfu.

Din l-Art Ħelwa qalet li Smartcity kienet proposta mill-Gvern bħala investiment strateġiku li jittrasforma l-pajjiż biex indaħħlu żvilupp diġitali ta’ kwalità. Il-proġett kien sar fuq art abbandunata li qabel kienet tintuża bħala żona industrijali.

Iżda qed tingħata l-impressjoni li l-5,600 impjieg li kellhom jinħolqu mhux se jinħolqu u li l-proġett se jitnaqqas għal skop spekulattiv fejn l-ispekulaturi se jagħmlu gwadanji kbar minn fuq dahar il-poplu Malti, li hu s-sid ta’ din l-art.

Fi stqarrija li hargu l-bierah l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin insistiet li l-bidliet fil-masterplan għal Smartcity jridu jkunu akkumpanjati minn pezz ogħla għall-art li se tingħata lill-iżviluppaturi.

Fl-istqarrija, l-MDA qalet li filwaqt l-viżjoni orġinali tal-proġett setgħet tiġġustifika l-għoti tal-art bi prezzijiet baxxi, il-bidliet fil-masterplan se jirriduċu dan il-porġett f’żona ta’ żvilupp b’kompetizzjoni mal-iżviluppaturi privati li jħallsu prezzijiet għolja biex jixtri l-art.