Valtteri Bottas irnexxielu jtemm fl-ewwel post fiż-żewġ sessjonijiet ta’ provi liberi bi preparazzjoni għall-Grand Prix tal-Gran Brittanja f’Silverstone, minkejja li Lewis Hamilton reġa’ kien għal darba oħra viċin. Dan ifisser li l-Mercedes temmew fl-ewwel żewġ postijiet u kellhom prestazzjonijiet aħjar minn tal-Ferrari.
Hamilton li se jkun qed jikkompeti fil-Grand Prix ta’ pajjiżu, kellu ħin tajjeb speċjalment fit-tieni sessjoni hekk kif hu għamel il-ħin fuq it-tyres soft filwaqt li ta’ Bottas kienu fuq it-tyres supersoft.
Ferrari tal-anqas irnexxielhom inaqqsu d-distakk minn mas-Silver Arrows iżda fil-verità jinsabu ftit bogħod mill-Mercedes, b’Kimi Raikkonen jispiċċa madwar 0.3 ta’ sekonda wara Bottas filwaqt li Vettel temm madwar 0.1 wara Raikkonen.
Hamilton deher li seta’ kien fil-kontroll qabel il-provi uffiċjali li huma kruċjali, hekk kif l-erba’ darbiet rebbieħ ta’ dan it-tellirqa, deher veloċi fuq is-supersoft qabel ma’ għamel żball f’kantuniera.
Red Bull li dehru l-eqreb sfidanti tal-Mercedes fis-sessjoni ta’ filgħodu, kellhom jikkuntentaw bil-ħames u s-sitt post, b’Daniel Ricciardo jtemm madwar nofs sekonda wara sieħbu Max Verstappen.
F’ġurnata partikolari, Carlos Sainz, Felipe Massa, Jolyon Palmer u Kimi Raikkonen kollha kienu fortunati li ma daħlux fil-barrieri. Nico Hulkenberg probabli kien l-aktar li spikka hekk kif irnexxielu jwassal il-karozza Renault tiegħu fis-seba’ post, filwaqt li Fernando Alonso, li għandu l-penalità għal din it-tiġrija wkoll, probabli jkun kuntent bid-disa’ post.
L-isforzi ta’ dawn iż-żewġ sewwieqa kienu impressjonanti, speċjalment meta sħabhom fit-tim Jolyon Palmer u Stoffel Vandoorne spiċċaw fit-18 u s-16-il post rispettivament.
//= $special ?>