Internazzjonali

Eluf isellmu liċ-ċkejken Bradley Lowery għall-aħħar darba

Bradley Lowery kellu biss sitt snin
Bżieżaq u kuluri jiddominaw il-korteo ta' Bradley

Eluf ta’ persuni mlew it-toroq ta’ Blackhall Colliery fir-Renju Unit għall-funeral ta’ Bradley Lowery, iċ-ċkejken li seraq qlub id-dilettanti tal-futbol.

Bradley, li kien il-mascot tat-tim tal-futbol Ingliż Sunderland, tilef il-ġlieda kontra l-kanċer ġimgħa ilu, f’aħbar li nisslet dieqa fost ħafna.

Għall-funeral, attenda fost oħrajn il-futboler Jermain Defoe, li kien meqjus “ħabib kbir” taċ-ċkejken. Waqt il-funeral, Defoe deher emozzjonat.

Qabel il-funeral, eluf ta’ persuni nġabru fit-toroq biex isellmu liċ-ċkejken, li nġarr f’korteo li għalih ħafna nies għażlu li jilbsu kostumi ta’ karattri mill-films, bħal superman u spiderman. Sidien ta’ ħwienet fir-rotta tal-korteo saħansitra dendlu mijiet ta’ bżieżaq ikkuluriti. Mijiet ta’ persuni oħra ħallew fjuri u tifkiriet oħra barra l-istadium ta’ Sunderland.

Għal xi żmien, Lowery kien il-mascot tat-tim ta’ Sunderland, u kien hemmek meta ċ-ċkejken seraq il-qlub tad-dilettanti tal-futbol waqt li qajjem kuxjenza fuq l-effett tal-mard terminali fuq it-tfal.

Il-futboler Jermain Defoe, viżibbilment emozzjonat waqt il-funeral taċ-ċkejken Bradley Lowery