Lokali

Helena Dalli eliminata mill-elezzjoni għal Deputat Mexxej Laburista

Minkejja li l-magna tal-Partit Laburista ħadmet bla waqfien biex il-Ministru Helena Dalli tkun eletta Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, il-Ġimgħa filgħaxija Helena Dalli kienet l-ewwel kandidat li ġiet eliminata.  B’hekk issa qed issir elezzjoni bejn iż-żewġ kandidati li fadal, iġifiri l-Ministru Chris Fearne u l-Ministru Edward Scicluna. Dan wara li l-ebda kandidat ma’ ġab 50 fil-mija tal-voti.

Fl-elezzjoni li saret bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa Chris Fearne ġab 296 vot, Edward Scicluna ġab 249 vot u Helena Dalli ġabet 199 vot.

Persuni li tkellmu ma’ Net News fissru dan ir-riżultat bħala sorpriża, meta l-magna tal-Partit Laburista fl-aħħar ġimgħat u b’mod speċjali din il-ġimgħa, għamlet minn kollox biex turi l-appoġġ il-Ministru Helena Dalli.

Issa l-kandidat rebbieħ ikun dak li jikseb 50 fil-mija tal-voti jew aktar.