Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jikkundanna l-kummenti ta’ kunsillier Laburist

Fl-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsilliera eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista ressqu mozzjoni ta’ kundanna kontra l-Kunsillier Raymond Azzopardi wara li għal darb’oħra dan reġa’ għamel użu ħażin mill-Facebook b’mod li naqas mir-rispett  u weġġa’ nies li mhux neċċessarjament jaqblu mieghu.

Dan wara li nhar it-Tlieta, 20 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsillier Azzopardi oġbu jtella’ ritratt tiegħu ma’ eks Kunsillier, liema ritratt ittieħed quddiem is-Sub Headquaters tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċentru tal-għadd tal-Voti fin-Naxxar, b’dustbin fin-nofs bejn iż-żewġ persuni. Mal-post tar-ritrattt fuq Facebook, il-Kunsiller Azzopardi kiteb il-kliem ‘Iddeċidejna…elett il-Kap ġdid’, b’Azzopardi b’idejħ jagħmel referenza ċara li qed jirreferi għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti saħqu li kummenti bħal dawn huma inaċċettabli għaliex il-Kunsill tal-Belt Valletta jaħdem għall-Beltin kollha lillhin mil-fhemiet politiċi tagħhom u mhumiex lesti jaċċettaw qatt din it-tip ta’ imġieba fil-konfront ta’ ebda individwu jew Partit politiku.

Il-mozzjoni ta’ kundanna, ġiet approvata unanimament mill-Kunsilliera kollha preżenti għax dak li għamel il-Kunsillier Azzopardi nissel dispjaċir u disapprovazzjoni mhux biss mir-residenti Beltin, kemm Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti, iżda mill-poplu Malti u Għawdxi li jemmnu li dan l-istil politiku ta’ tgħajjir u insulti bla bżonn m’għandux ikollu postu fis-soċjetà Maltija.

Skont kunsillier u impjegat tal-PL, il-Kap il-ġdid tal-PN għandu jkun iż-żibel