Futbol Sport

Il-YFA tintroduċi polza ta’ assigurazzjoni sportiva għan-nurseries kollha

Fil-preżenza ta’ 40 nursery affiljati mal-YFA, tnieda l-kunċett ta’ assigurazzjoni sportiva għat-timijiet, il-plejers, l-istaff tekniku u l-amministraturi. Minn dan l-istaġun, dawk it-timijiet parteċipanti fil-kompetizzjonijiet jew attivitajiet tal-YFA fil-kategoriji U17, U15 u U13 se jkunu obbligati li jintrabtu f’polza ta’ assigurazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu sehem. Il-kategoriji l-oħra wkoll jista’ jkollhom din l-assigurazzjoni, iżda din hi fuq bażi volontarja.

L-għan ta’ dan hu biex tibda tinħoloq mentalità ġdida ta’ serjetà u dixxiplina fin-nurseries biex jogħla l-livell tas-settur taż-żgħażagħ f’Malta, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tal-plejers żgħażagħ. Il-bżonn ta’ din ix-xorta ilha tinħass u wara diversi snin saru laqgħat biex finalment instab partner li permezz tiegħu n-nurseries kollha se jkunu miġbura f’polza waħda ta’ assigurazzjoni sportiva li tkopri ċertu setturi, kif kien spjegat waqt laqgħa li saret apposta mir-rappreżentazzjoni ta’ Melita Unipol Insurance Brokers Limited, li huma l-brokers ta’ din il-polza.

B’dan il-pass, l-Assoċjazzjoni flimkien man-nurseries tal-Youth FA għandhom għaliex ikunu kburin li jiffurmaw parti minn dan il-kunċett, u qed iservu wkoll ta’ eżempju għal dixxiplini sportivi oħra.

Il-President tal-YFA Fr. Hilary Tagliaferro żvela li l-YFA kienet ilha tħares għal dan il-proġett għal snin, iżda l-prezzijiet dejjem kienu wisq. Iżda wara li ddiskutew din il-kwistjoni mal-Iskoċċiżi waqt il-proġett Erasmus+, ħareġ ottimiżmu ġdid u nstab il-partner ġust. Il-President tal-YFA għalaq id-diskors tiegħu b’appell lin-nurseries biex jaċċettaw dan il-proġett ġdid, li jagħti serħan il-moħħ u protezzjoni lil dawk involuti fis-settur taż-żgħażagħ.

Is-Segretarju tal-YFA Joe Micallef spjega li l-proposta tal-polza tal-assigurazzjoni li ġiet preżentata lin-nurseries, żviluppat fuq diversi laqgħat, negozjati u diskussjonijiet, u li minkejja li mhix perfetta, hu punt tat-tluq eċċellenti u qal li jinsab ħerqan li jirċievi l-kummenti mill-amministraturi tan-nurseries biex jassiguraw polza aħjar fl-istaġuni li ġejjin.

“Illum nkitbet paġna ġdida, mhux għal YFA u n-nurseries, imma għall-isport inġenerali fil-pajjiż, hekk kif aħna ċerti li l-assoċjazzjonijiet sportivi oħa se jsegwu dan il-pass u jintroduċu din il-polza ta’ assigurazzjoni sportiva,” qal Micallef.

Il-General Manager ta’ MelitaUnipol Nicky Warrington ta dettalji tal-preżentazzjoni tal-polza tal-assigurazzjoni lir-rappreżentattivi tan-nurseries, b’attenzjoni speċjali tingħata lill-inċidenti personali u l-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà. Il-Viċi President tal-YFA Robert Attard u Susanna Pace mid-Dipartiment Kummerċjali tal-MUIB kienu wkoll preżenti.