Waqt żjara fi Tripli sabiex jiltaqa’ ma’ 13-il sindku minn nofsinhar tal-Libja, il-Ministru Taljan għall-Intern, Marco Minniti, ilbieraħ ppropona patt mal-Libja sabiex tiġi missielta l-problema tat-traffikar tan-nies fil-Mediterran.
Ħafna immigranti illegali mis-Sudan, iċ-Ċad u n-Niger qed jieqfu f’dawn il-bliet fin-nofsinhar tal-Libja fi triqithom lejn l-Ewropa. Għalhekk, Minniti qed iħeġġeġ lis-Sindki sabiex iħarsu l-fruntieri u jieħdu azzjoni kontra dawk li jitraffikaw in-nies.
Il-Mexxej tal-Gvern tal-Unità Nazzjonali rikonoxxut internazzjonalment, Fayez al-Sarraj, fi tweet tenna l-impenn tal-Libja li ttaffi l-mewġa t’immigranti lejn il-kosta Taljana. Anki l-Ministri Ewropej tal-Intern, fis-6 ta’ Lulju, wiegħdu li se jappoġġjaw pjan urġenti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tgħin il-mewġa kbira t’ immigranti li qed jaslu l-Italja mill-Magreb.
L-Italja s’issa laqgħet 85,000 immigrant illegali f’dawn l-aħħar 6 xhur, żieda ta’ 21% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra skont il-Frontex. F’Ġunju biss għaddew 24,800 immigrant mir-rotta fiċ-ċentru tal-Mediterran, li kienet komposta l-iktar minn mewġa ta’ Niġerjani u nies mill-Guinea, żieda ta’ 8% fuq Mejju.
//= $special ?>