Lazio laħqu ftehim mal-klabb Ingliż ta’ Liverpool fuq bażi ta’ madwar €6 miljuni għat-trasferiment tal-midfielder Brażiljan Lucas Leiva. Il-plejer ta’ 30 sena issa jrid jilħaq ftehim fuq it-termini personali qabel ma jagħmel l-eżami mediku biex it-trasferiment ikun konkluż.
Lucas Leiva hu l-aktar plejer ta’ Liverpool li ilu mal-klabb, wara li kien ingħaqad magħhom mingħand Gremio f’Lulju tal-2007. Hu għamel id-debutt internazzjonali mal-Brażil aktar tard fis-sena u lagħab total ta’ 24 logħba.
Wara l-aħħar logħba ta’ Liverpool fl-istaġun li għadda, Leiva kien preżentat bi trofew kommemorattiv minn Kenny Dalglish biex jimmarka l-għaxar snin mal-klabb.
“Kienu għaxar snin inkredibbli, b’mumenti sbieħ u oħrajn koroh. Imma ninsab kburi li nilbes dan il-flokk f’kull ġurnata ta’ ħajti. Dan il-klabb għamilni aħjar bħala persuna, bħala plejer. Ma għandi l-ebda mument li nista’ ngħid li hu l-aktar importanti, naħseb li dawn l-għaxar snin kienu tajbin kollha,” kien qal il-Brażiljan.
Lucas Leiva lagħab 31 logħba ma’ Liverpool l-istaġun li għadda, 24 minnhom fil-kampjonat u skorja gowl. Fl-għaxar staġuni ma’ Liverpool, Leiva lagħab 247 logħba fil-Premier League fejn skorja gowl u għamel 14-il assist.
//= $special ?>