Manchester City ħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist tad-difensur lemini ta’ Tottenham Kyle Walker fuq kuntratt ta’ ħames snin. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Manchester City ħallsu €57 miljun għal Walker, li hi somma rekord għal difensur.
Walker li għandu 27 sena ffirma kuntratt ta’ ħames snin u se jilbes il-flokk numru tnejn. “Ninsab kuntent ħafna u ħerqan li nibda din l-esperjenza. Pep Guardiola hu wieħed mill-aktar managers rispettati fid-dinja u nemmen li nista’ ntejjeb il-logħba tiegħi.
Id-direttur ta’ Manchester City Txiki Begiristain, faħħar lil Walker u qal li għandu l-kwalitajiet li jilgħab fiż-żewġ naħat tal-pitch. “Aħna segwejna l-progress tiegħu ma’ Tottenham u konna impressjonati kif żviluppa. Issa hu wieħed mill-aqwa right-backs fil-Premier League u hu regolari mat-tim nazzjonali Ingliż.”
Guardiola kien qed ifittex li jsaħħaħ din il-pożizzjoni, u għamilha bħala prijorità tiegħu dan is-sajf, u rapporti fl-Ingilterra qed jgħidu li City qed jaħdmu iebes biex jiffirmaw lid-difensur xellugi ta’ Monaco Benjamin Mendy.
Is-sorsi tal-media Ingliża qalu li l-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino kien kuntent li jbigħ lil Walker wara li r-relazzjonijiet bejn it-tnejn naqset lejn tmiem l-istaġun, b’Kieran Trippier jiżviluppa bħala l-għażla naturali ta’ Pochettino lejn tmiem l-istaġun.
Biex jieħdu post Walker, Tottenham huma interessati f’Ricardo Pereira ta’ Porto, Mitchell Weiser ta’ Hertha Berlin u Davide Zappacosta ta’ Torino.
//= $special ?>