RITRATT: Mill-arkivji
Flok jinvestiga lil min hu korrott, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikompli jippersegwita lil min jikxef il-korruzzjoni.
Fil-fatt, dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ġie msejjaħ mill-Maġistrat Doreen Clarke biex jixhed fl-inkjesta li qed issir biex jinstab min kixef ir-rapporti tal-aġenzija li tinvestiga l-ħasil tal-flus, l-FIAU. Ir-rapporti kienu kkonkludew li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
F’kummenti wara li xehed quddiem il-Maġistrat, Simon Busuttil qal: “Dalgħodu ntlabt nikxef il-persuni li għaddewli informazzjoni dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus minn Keith Schembri. Jiena rrifjutajt għaliex diġà tajt il-kelma tiegħi li nagħti kull protezzjoni lil kull min kien lest jikxef l-informazzjoni. Il-kelma tiegħi żammejtha.”
Simon Busuttil żied jgħid: “Dalgħodu jiena ddefendejt lil min irid jiġġieled ilkorruzzjoni, waqt li Joseph Muscat jiddefendi lil min ġie investigat dwar korruzzjoni. Dan hu l-istat tal-biki li l-ġustizzja tinsab fiha f’pajjiżna. Hawn ħafna nies li qed iweġġgħu għaliex għandna Gvern li la l-ġustizzja u lanqas il-liġi ma jiswew għalih. Jiena se nibqa’ niġġieled sabiex issir ġustizzja f’pajiżna.”
//= $special ?>