Lokali

Terz tal-istudenti biss jgħaddu għall-Università

Eluf ta' studenti llum jirċievu r-riżultati tal-O-Levels u l-A-Levels

Ftit aktar minn terz tal-istudenti kollha li poġġew għall-eżamijiet tal-Matrikola ġabu biżżejjed kwalifiċi biex jidħlu l-Università. Dan ifisser li ż-żewġ terzi l-oħra ma rnexxilhomx jgħaddu għall-Università.

Skont ċifri ppubblikati mill-Università ta’ Malta dwar l-eżamijiet tal-O-Levels u l-A-Levels, jirriżulta li kienu biss 1,399 student minn total ta’ 4,107 li ġabu biżżejjed kwalifiċi biex ikunu jistgħu jidħlu l-Università, u li għaldaqstant ingħataw iċ-ċertifikat tal-Matrikola.

Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati fl-istess jum li eluf ta’ studenti rċevew ir-riżultati tal-eżamijiet tas-SEC kif ukoll tal-MATSEC, jew kif inhuma aktar magħrufa, l-eżamijiet tal-O-Levels u tal-A-Levels.

Minn dawk li għamlu l-A-Levels, kien hemm 3,710 kandidat b’etajiet li jvarjaw minn 18 sa’ 72 sena. Kien hemm ukoll total ta’ 309 kandidati b’età inqas minn 18-il sena. Dan jammonta għal total ta’ 4,107 kandidat li poġġew għall-eżamijiet tal-MATSEC bit-tama li jidħlu l-Università.

B’kollox kien hemm 9516-il kandidat li qagħdu għall-eżamijiet tal-A-Levels u l-0-Levels. 99% minn dawn irċevew ir-riżultati dalgħodu permezz ta’ messaġġ fuq il-mobile. L-ittri bir-riżultati uffiċjali mistennija jibdew jiġu mpustati u mqassma fid-djar fil-jiem li ġejjin.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżamijiet tal-O-Levels, il-Matematika reġa’ kien l-inqas suġġett (mis-suġġetti ewlenin) li għaddew studenti minnu. Filfatt, kienu biss 54.5% li għaddew.

Min-naħa l-oħra, l-Ingliż ra l-ikbar titjib fir-rata ta’ studenti li għaddew minnu meta kkumparat mas-sena li għaddiet. Dan wassal ukoll biex l-O-Level tal-Ingliż kien l-aktar suġġett li għaddew studenti minnu din is-sena, b’kważi 70% tal-kandidati jgħaddu.