Lokali

It-titjira b’ajruplan tat-Tieni Gwerra Dinjija ‘Spitfire’ mhux se ssir

It-titjira kellha ssir fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-Għoti tal-George Cross

It-titjira b’ajruplan ‘Spitfire’ tat-Tieni Gwerra Dinjija li kellha ssir għada fuq il-Port il-Kbir ġiet ikkanċellata.

It-titjira kienet pjanata għal għada bħala parti mill-75 anniversarju mill-għoti tal-George Cross lill-poplu Malti għall-qlubija li wera fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Imma skont stqarrija mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fil-pajjiż fejn jinsab l-iSpitfire wassal biex dan l-ajruplan ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija mhux se jkun jista’ jittajjar lejn Malta.

Il-George Cross ingħata mir-Re tar-Renju Unit fl-1942 wara sensiela ta’ attakki qawwija mill-għadu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Illum, il-George Cross jifforma parti intrinsika mill-bandiera ta’ Malta.

Intant, għada jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali marbuta mal-anniversarju tal-George Cross, fosthom kommemorazzjoni biswit il-Monument tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-Belt.