Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ jitressaq il-Qorti akkużat li pprova jaħraq ħajjin oħt is-sieħba u tifel f’Ħaż-Żabbar

Karozza tal-Pulizija - mill-arkivji

Alvin Pullicino ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti akkużat fost l-ohrajn b’attentat ta’ qtil wara li jumejn ilu pprova jaħraq ħajjin oħt is-sieħba tiegħu, li għandha 28 sena, u tifel żgħir f’karozza.

Il-Każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija fi Triq il-Berebis, f’Ħaż-Żabbar, għall-ħabta tas-7.30p.m. Jirriżulta li l-Erbgħa ż-żagħżugħ mar fit-triq bil-karozza tiegħu u waqaf ħdejn karozza oħra li fiha kien hemm il-mara u t-tifel. Ir-raġel jirriżulta li niżel b’landa f’idu u beda jitfa’ l-fuel fuq il-karozza. Waqt li t-tifel irnexxielu jaħrab mill-karozza, ir-raġel fetaħ il-bieba u beda jxerred il-fuel fil-karozza u fuq il-mara.

Il-mara rnexxielha taħrab mill-karozza u daħlet f’parapett ta’ residenza, hemmhekk iż-żagħżugħ kompla jiġri warajha b’katina u lighter. Allegatament wara li ż-żagħżugħ irnexxielu jdawwar il-katina m’għonq il-mara, hu pprova jqabbad il-mara bil-lighter. F’dak il-ħin raġel ħareġ mir-residenza tal-parapett fejn daħlet il-mara u ż-żagħżugħ ħarab minn fuq il-post.

Minbarra l-attentat ta’ qtil, Pullicino kien akkużat ukoll li pprova jqabbad nirien u li kkaġuna ġrieħi ħfief u theddid fuq il-mara.

Flimkien ma’ Pullicino, il-Pulizija ressqet ukoll lil Gavin Spagnol ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar ukoll akkużat b’kompliċita’ fl-istess reati.

It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christabelle Chetcuti, qalet li l-Pulizija kellha diversi rapporti dwar inċidenti bejn il-familja ta’ Pullicino u dik tal-vittma, li tiġi oħt l-eks sieħba tiegħu u spjegat li hemm diversi każi pendenti.

Min-naħa tagħha, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li Spagnol għandu kondotta nadifa u Pullicino kien involut f’inċident meta’ ħebb għal raġel 13-il sena ilu. Il-Prosekuzzjoni opponiet din it-talba minħabba n-natura serja tar-reati li jinsabu akkużati bihom.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif kollox jidher li se jserraħ fuq ix-xhieda tal-vittma u għaldaqstant, hemm riskju serju li jkun hemm intralċ tal-provi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat qed jassistu lill-akkużati filwaqt li l-Avukati Veronique Dalli u Andrew Saliba qed jidhru parte civile għall-vittma.