Futbol Sport

Dan hu l-aqwa żmien tal-MFA u l-kbir għadu ġej – Norman Darmanin Demajo

Diskors partikolari mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo fid-diskors tal-għeluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA. Hu qal li “l-iskop tal-AGM hu li mhux biss nara x’għamilna, imma hi opportunità għalija biex naqsam xi ideat.” Darmanin Demajo tkellem fuq il-viżjoni tiegħu li jkun hemm dak li sejjaħ punt ta’ riferiment, u fi kliem ieħor irrefera għal fejn irid l-MFA bejn ħames u sitt snin oħra.

Il-President tal-MFA elenka erba’ setturi li hu jrid jaħdem fuqhom fil-futur immedjat. Hu qal li jħoss li din is-sena hemm bżonn li tingħata ħarsa lejn l-amateur u l-futbol fis-settur tal-grassroots. Darmanin Demajo sostna li ilna niffukaw fuq il-kampjonati u semma l-possibbiltà li tinħoloq dik li sejjaħ “non-league football body” biex tiżdied il-parteċipazzjoni. Dan għal fatt li kif sostna hu, bl-inklużjoni tal-barranin, l-ispazju tal-Maltin qed jonqos u għalhekk jemmen li l-Maltin għandu jkollhom biżżejjed kampjonati biex jesprimu ruħhom.

Norman Darmanin Demajo tkellem ukoll dwar l-FA Trophy, fejn qal li sitt snin ilu kien fetaħ l-FA Trophy għall-klabbs Maltin kollha u dawk Għawdxin ukoll. Iżda sostna li hu jixtieq jara l-FA Trophy fuq il-mudell tal-FA Cup Ingliża u rrefera wkoll għall-inklużjoni ta’ klabbs non-league f’din il-kompetizzjoni. Il-President tal-MFA ħabbar ukoll li fl-aħħar ġranet, l-assoċjazzjoni sabet sponsor ġdid għall-FA Trophy u jidher li ntlaħaq ftehim għas-sentejn li ġejjin.

It-tieni punt li saħaq fuqu Norman Darmanin Demajo kien fuq ix-xewqa li kellu li meta sar President ried li l-plejers jilagħbu barra minn Malta. Hu qal li jkun l-ewwel wieħed li jgħid li ma ħadmitx u sostna li r-raġunijiet huma varji imma ma xtaqx jidħol fihom. “Il-punt hu li t-talent waħdu mhux biżżejjed imma jiġi bid-dixxiplina, bis-sagrifiċċju u perseveranza,” u qal li mhux faċli li ta’ ċertu età jitilqu kollox. Għalhekk ħareġ b’idea li jinħoloq tip ta’ support unit biex tkun aktar faċli għal dawk li għandhom talent biex ikollhom l-għajnuna neċessarja għal ħajja barra minn Malta.

Norman Darmanin Demajo għamel referenza għal dak li qal aktar qabel is-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti dwar l-amministraturi. Hu qal minħabba li ħafna mill-amministraturi għandhom ċertu età, jibża’ li fil-futur se jkollna nuqqas ta’ amministraturi, b’kawża li l-futbol Malti jiġi fi stat li ma jkunx hawn min imexxi. Hu kompla jgħid li llum mhux faċli li wieħed imexxi l-klabb għaliex ir-responsabbiltà qed dejjem tikber minbarra li hu impenjattiv u mimli stress. Għalhekk saħaq il-President li jekk mhux se jsir xi ħaġa, fil-futur se tkun diffiċli.

Il-ħames proġetti tal-MFA

Ir-raba’ punt li l-President tal-MFA tkellem fuqu kien dwar il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni. Darmanin Demajo qal li l-MFA ma tistax titlef din l-opportunità u wara l-investimenti fit-tieni u t-tielet sular tal-Millenium Stand, qal li wasal iż-żmien li l-MFA tħares lejn il-‘footprint’ ta’ Ta’ Qali u tħares b’lenti differenti. Hawnhekk intwera video fejn ġew elenkati ħames proġetti li huma indipendentement minn dak li qed issir sa issa.

L-ewwel proġett hu li tinbena Skola Nazzjonali tal-Isport iżda li tkun dedikata għall-futbol biss. Sa issa f’pajjiżna għandna skola waħda li kienet bdiet tiffunzjona f’Settembru tal-2012. Hu qal li saret laqgħa ġimagħtejn ilu u ġie diskuss sħubija mal-Gvern fejn mistenni li jkun iffirmat memorandum of understanding wara laqgħa mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Edukazzjoni, fejn anki ġie identifikat is-sit.

It-tieni proġett hu l-bini ta’ stand għall-ispettaturi fit-training grounds tal-MFA, u t-tielet ħsieb hu l-bini ġdid ta’ hall tal-futsal u parkeġġ. Ir-raba’ u l-ħames proġett huma l-iżvilupp tan-North u s-South Stand, żewġ proġetti li meta jkunu lesti, jagħtu xejra differenti lill-Istadium Nazzjonali.

Il-President għalaq id-diskors tiegħu billi tkellem fuq ir-riżorsi umani. Hu qal li l-MFA għandha bżonn l-aħjar nies biex jaħdmu magħha u qal imbagħad iħallihom jaħdmu. “Meta nirreferi għall-aqwa nies, infisser li huma tajbin fil-qasam tagħhom, passjonati fil-futbol u li lesti jkunu parti mit-tim tal-MFA.”

Hu kompla jgħid li l-MFA trid issaħħaħ it-tkabbir u l-istabbiltà, tant li nħoloq fond biex l-assoċjazzjoni tiffinanzja xi korsijiet li l-ħaddiema jista’ jkollhom biex ikomplu jitjiebu. Darmanin Demajo kompla jgħid li jista’ jkun li minħabba l-attivitajiet li qed ikollhom, tista’ tinħoloq kumpanija li tissepara l-attivitajiet kummerċjali mill-governanza u jkun modi differenti kif l-affarijiet jiġu ffinanzjati

Norman Darmanin Demajo għalaq fejn qal li l-MFA hi assoċjazzjoni l iqed tikber u saħaq l-importanza li l-membri jħossuhom parti mill-assoċjazzjoni għaliex is-suċċess tal-MFA hu s-suċċess tal-klabbs u temm bil-frażi li “dan hu l-aqwa żmien tal-MFA u l-kbir għadu ġej.”

Tags