Lokali

FILMAT: “Id-domanda għad-droga kokaina qed tikber”

“Meta d-droga titħallat, kull kilogramma kokaina ssir 3 jew 4 kilogrammi… dan il-fattur fih innifsu juri li hawn domanda kbira fis-suq lokali.”

Waqt diskussjoni fil-programm Net Live fuq Net Television ġie żvelat kif bħalissa l-kokaina hi l-aktar droga li qed tkun popolari fis-suq lokali, bl-ammonti ta’ kokaina pura tiġi “imħallta mingħajr ebda standard u b’kull sustanza immaġinabbli li hija ta’ lewn abjad.”

L-Ispettur Kevin Pulis mit-Taqsima ta’ kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija spjega kif dan l-aħħar kien hemm qabdiet ta’ kokaina li l-purità tagħha kienet għolja.

“Dan ifisser li meta d-droga titħallat, kull kilogramma kokaina ssir 3 jew 4 kilogrammi. U anke dan il-fattur fih innifsu juri li hawn domanda kbira fis-suq lokali.”

Matul il-programm l-Ispettur Pulis tkellem dwar il-ħidma li qed issir mid-Drug Squad. “Dan l-aħħar kellna qabdiet konsiderevoli ta’ droga li seħħew fi ftit ġimgħat, jekk mhux ġranet. “Għalhekk hu importanti li nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna biex is-soċjetà hemm barra tkun nadifa.”

F’din id-diskussjoni fuq Net Television tkellem ukoll Andrè Bonello minn Caritas Malta. Hu qal li d-droga tinsab kullimkien u l-abbuż tagħha hu mifrux fuq kull età.

“Meta n-nies jiġi għall-għajnuna tinduna li jkunu bdew bl-alkoħol u wara daru għal fuq il-ħaxixa,” sostna Bonello.

Huma madwar 700 l-persuni li kull sena jirrikorru għall-għajnuna għand il-Caritas. Mill-esperjenza tiegħu, Andrè Bonello qal li l-maġġoranza ta’ dawn is-700 ruħ “ikunu bdew mill-ħaxixa”.

Il-kelliem tal-Caritas sostna li fost l-adolexxenti wkoll hemm sitwazzjoni inkwetanti. “Hi ta’ tħassib is-sitwazzjoni fost l-adolexxenti li qed jabbużaw minn sustanzi sintetiċi.” Dawn is-sustanzi jagħmlu ħafna ħsara, u f’xi każi jistgħu jkunu fattwali.

L-Ispettur Pulis semma r-rabta li għandha l-Pulizija Maltija mal-Europol u l-Interpol biex tiġi miġġielda din il-pjaga tad-droga. “Hemm network ta’ kriminalità organizzata, u jekk Malta ma tkunx qed tikkopera ma’ dawn l-istituzzjonijiet tal-Pulizija barranija m’għandniex ċans niġġieldu t-traffikar tad-droga.”