Lokali

FILMAT: Il-mexxejja jimlew il-kaxxi bl-ikel flimkien għall-karità

Il-mexxejja tal-pajjiż ingħaqdu flimkien biex jippakkjaw kaxxi bl-ikel għall-karità, f’attività waqt il-maratona ‘Oħloq Tbissima’.

Il-maratona b’risq il-missjonijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tintemm il-Ħadd. U ġurnata qabel, il-mexxejja tal-pajjiż żaru l-maratona biex iwasslu l-appelli tagħhom.

Fost dawn kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Akkumpanjat minn Kristina, hu appella biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu.

“Kull donazzjoni min-naħa tan-nies hija donazzjoni li tmur għal dawn it-tfal sbieħ, u għal din ir-realtà diffiċli. Imma bin-naqra ta’ kull wieħed u waħda minnha, din ir-realtà nkunu nistgħu nagħmluha ftit aħjar”, qal Simon Busuttil fl-appell tiegħu.

U filfatt, hija l-missjoni tal-MSSP li tagħmel il-ħajja aħjar tan-nies f’tal-anqas erba’ pajjiżi: il-Perù, il-Pakistan, il-Filippini u Malta permezz ta’ Dar San Ġużepp, dar li tilqa’ tfal fil-bżonn.

Fr. Louis, saċerdot mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ilu snin twal imur il-missjoni u jgħin fl-iżvilupp ta’ diversi komunitajiet grazzi għal flus miġbura minn maratoni bħal ‘Oħloq Tbissima’.

Ma’ NET News, Fr. Louis spjega li l-missjonijiet tal-MSSP jinkludu mhux biss l-iżvilupp tal-komunitajiet, imma qabel xejn, il-manteniment ta’ min m’għandu xejn x’jiekol.

“Idealment ngħinuhom fl-ikel, għax dawn imsieken m’għandhom xejn. Aħjar ittihom il-qasba, veru. Imma l-ewwel trid ittihom biex jgħixu issa. Allura għandna sitwazzjonijiet fejn fil-periferija, għandna estremità ta’ nies li ħallew il-muntanji, ġew lejn il-Belt, u m’għandhom xejn… u jsibu lilna refuġju tagħhom”, spjega Fr. Louis.

Imma imbagħad, il-missjunarji jibdew jaħdmu biex jbnu Knejjes, kċejjen, sptarijiet, djar u faċilitajiet oħra li jgħinu lil dawn il-komunitajiet fqar jibdew isiru indipendenti, b’Fr. Louis jinsisti li l-ħidma missjunarja sseħħ l-aktar fil-periferiji tal-ibliet.

“Għal dawn l-aħħar ħamsin sena dejjem għexna, u kienet għażla din, fit-tarf – ma’ dawn in-nies li msieken qed jibdew. Imma ma jibqgħux fil-bidu,” qalilna Fr. Louis. “Bil-mod il-mod, minn kamra waħda tiġi dar imdaqqsa; minn bniedem li m’għandux xogħol b’familja fqira, jsib xogħol; u bil-mod il-mod, il-ħajja gradwalment tinbidel,” żied jgħid.

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl issa qed tippjana li tibda missjonijiet f’Kuba u fil-Vjetnam. Is-sena d-dieħla, l-MSSP tagħlaq 50 sena mill-ewwel missjoni fil-Perù. Il-maratona ‘Oħloq Tbissima’ tibqa’ tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha lokali sakemm tintemm il-Ħadd.