minn Stewart Said
Spjegata l-ħidma tal-MFA fir-Rapport Amministrattiv
Is-Sibt filgħodu f’lukanda ewlenija fil-Furjana, saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA. Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo feraħ lill-klabbs Maltin li pparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej u qal li l-futbol lokali mhux negattiv daqs kemm ħafna jgħidu u qal li t-timijiet Maltin qed jiksbu rispett fil-konfront ta’ timijiet pajjiżi oħrajn.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm l-eks Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo, li llum jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-Assoċjazzjoni Membri tal-Ewropa fil-FIFA, kif ukoll il-Kap tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-Governanza tal-UEFA Angelo Rigopoulos.
Hu qal li għandu relazzjoni tajba ma’ Malta u sostna li l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżna hi membru attiv tal-UEFA. Rigopoulos qal li llum il-futbol ma għadux biss logħba ta’ 90 minuta u qal li fosthom jinkludu l-governanza tajba, l-inklużjoni u l-edukazzjoni. Hu faħħar l-implimentazzjoni tas-social dialogue u qal li llum din mhix ħolma iżda realtà.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti preżenta r-rapport amministrattiv tal-assoċjazzjoni fejn b’referenza għal fatt li dan hu l-ewwel rapport amministrattiv tiegħu, hu qal li l-MFA “hi organizzazzjoni b’saħħitha biżżejjed biex meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa l-ewwel darba ma jkollux problemi,” b’referenza għall-istaff tal-MFA. Chetcuti qal ukoll li dan l-istaġun kien sinifikanti minħabba l-bidla taż-żewġ uffiċjali fit-tmexxija tal-MFA u rringrazzja kemm lil Bjorn Vassallo u lil Chris Bonett tal-għajnuna fi tranżizzjoni.
Chetcuti tkellem fuq diversi bidliet u xogħlijiet li saru fl-MFA. Hu għamel referenza għal bidla li saret f’Jannar fejn inħatru diversi Diretturi f’setturi differenti tal-assoċjazzjoni u qal li hemm bżonn aktar sinerġiji fi ħdan l-assoċjazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tkellem ukoll fuq iċ-Ċentru Tekniku. Hu semma x-xogħol u l-preparazzjoni li sar biex f’Malta saru l-korsijiet tal-kowċis tal-UEFA Elite Youth A u l-UEFA Pro.
“L-għan aħħari hu li jkollna aktar kowċis u kowċis aħjar, u l-aktar importanti fis-setturi kollha mill-kbir saż-żgħir.” Punt ieħor li ssemma f’dan ir-rapport amministrattiv kienu t-timijiet nazzjonali fejn intlagħbu 55 logħba internazzjonali, u rringrazzja lill-kowċis u lil kulħadd tal-impenn tagħhom.
Settur ieħor li Chetcuti semma kien l-infrastruttura. Hu qal li f’dan is-settur “trid tifhem f’kollox jew tagħraf li trid tieħu l-pariri mingħand min jifhem.” Angelo Chetcuti semma l-pitch tal-istadium nazzjonali li hu investiment importanti u sostna li l-akbar kumpliment hu mingħand il-plejers.
Chetcuti għamel aċċenn ukoll għal wiċċ ġdid tas-Centenary Stadium u għax-xogħol li qed isir fit-tieni sular tal-Millenium Stand li jinvolvi t-trophies lounge, il-mużew tal-futbol u l-ħanut. Hu qal li bħalissa l-assoċjazzjoni qegħda fil-fażi li hu sejjaħ ta’ ‘scaling-up’ u qal li l-assoċjazzjoni “qed tikber imma rridu noqogħdu attenti li ma nikbrux f’salt.
Is-Segretarju Ġenerali tkellem ukoll fuq l-aspett tal-komunikazzjoni u l-immaġini tal-MFA. “Ma rridux inħossuhom bħala xi ħaġa li taħseb fiha wara, imma hi parti integrali.” Hu saħaq li l-media hi ‘stakeholder’ importanti u kruċjali għal-logħba tagħna.
Il-governanza hi wkoll tema importanti li s-Segretarju Ġenerali ta importanza. “Għandna strutturi ta’ governanza li ħafna minnha ssir fuq livell ta’ bordijiet u din l-indipendenza u t-trasparenza li l-bordijiet għandu jkollhom, trid toħroġ aktar fil-beraħ.”
Chetcuti għamel referenza għal dak li qal Rigopoulos aktar qabel dwar is-‘social dialogue’ fejn semma s-sistema tal-parametri u qal “li jrid jintlaħaq il-bilanċ bejn id-dritt tal-plejer bħala individwu u ħaddiem filwaqt li l-klabbs iridu jkunu rikonoxxuti fil-ħajja tal-plejer.”
Saret referenza wkoll għal dawk li ssejħu bħala No Agenda Meetings fejn qal li ħarġu ħafna punti importanti. Chetcuti qal li b’dawn il-laqgħat laħqu nies li mhux dejjem ikunu rappreżentati u saħaq li se jitkomplew għal tibdil ta’ ċertu regolamenti fejn ikun hemm bżonn.
Chetcuti tkellem dwar il-Kunsill tal-MFA fejn qal li hemm bżonn li jinbidel il-mod ta’ diskussjoni. Hu appella lill-membri tal-kunsill biex dak li jiddiskutu fil-kunsill, jirrapurtawh aħjar fil-klabbs tagħhom.
Intant Chetcuti għalaq billi qal li qed jippruvaw jgħollu l-istandards tagħhom u se jagħmlu kors għall-amministraturi fil-klabbs minħabba t-tendenza li numru ta’ amministraturi jħallu l-futbol. Hu qal li l-kors se jinvolvu numru ta’ sigħat li jkun miftuħ għall-klabbs li jwasslu għall-anqas livell bażiku tal-aspetti diversi.
Statistika Interessanti fuq il-Kampjonat Premier
Angelo Chetcuti ta statistika interessanti fejn qal li fl-istaġun li għadda, fil-Kampjonat Premier intefqu €6.9 miljun u kien hemm ħruġ ta’ €6.87 miljun. Hu qal li €4.7 miljuni ta’ din l-ispiża tmur għas-salarji tal-plejers li hu madwar 70% tad-dħul rappurtat, filwaqt li t-30% li fadal imorru biex ikopru l-ispejjeż kollu li fadal.
Sar aċċenn ukoll għal-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni fejn tenna l-appell tal-MFA dak li “nużawha tajjeb u ma nħallux l-entużjażmu fuqha jiġri bina.” Qasam ieħor, li se jkun introdott mill-istaġun li ġej hu biex fl-istadia jkun hemm ‘medical room’, b’konsultazzjoni mal-MFPA biex il-kmamar ikunu fornuti s-sena kollha.
Fl-aħħar, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA tkellem dwar is-season tickets għall-partiti tal-Kampjonat Premier fejn qal li l-Ġimgħa ltaqgħu mal-Premier League Standing Committee fejn missew ħafna punti u b’sodisfazzjon waslu fi qbil biex għalhekk jonqos ċertu formalitajiet biex dan jidħol fis-seħħ. Il-klabb se jkun jista’ jbigħ is-season ticket tal-logħbiet tiegħu u kien hemm proposta li l-prezz tal-ġurnata tal-logħba jogħla b’ewro biex ikun inkoraġġut aktar is-season ticket.
Bjorn Vassallo jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali
Finalment, Angelo Chetcuti stieden lil Bjorn Vassallo biex fil-kapaċità tiegħu ta’ Direttur tal-Assoċjazzjonijiet Membri tal-Ewropa fil-FIFA jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali. Vassallo qal li jinsab emozzjonat u jinsab f’din il-laqgħa biex jibgħat it-tislijiet tal-President tal-FIFA Gianni Infantino biex l-MFA tkun produttiva u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-MFA bħala membru attiv.
Vassallo qal li l-FIFA żiedet l-investiment dirett biex il-211 membru tal-FIFA jgawdu minn dan. Hu żied jgħid li l-FIFA għaddiet minn żminijiet diffiċli u saħaq li “qed nagħmlu l-massimu biex nirbħu lura l-kredibbiltà.”
Bjorn Vassallo qal li għalhekk l-MFA trid tkompli tikkommetti ruħha biex tassigura l-kontabbiltà, it-trasparenza u l-inklussività, u tenna li l-MFA hi fost dawk minn tal-bidu li qed tgawdi mill-allokazzjoni finanzjarja li l-fondi tagħha jgħaddu biex isiru proġetti infrastrutturali.
Hu għalaq b’ringrazzjament lill-amministrazzjoni tax-xogħol f’kull aspett tal-logħba u appella biex jibqgħu jieħdu d-deċiżjonijiet biex il-futbol jevolvi aktar filwaqt li jibdlu fejn hemm meħtieġ il-membri u l-assoċjazzjoni u mhux jinbidlu huma mal-affarijiet. Hu ppreżenta banner tal-FIFA lill-President tal-MFA.
L-MFA bi dħul ta’ €7.1 miljun
It-Teżorier tal-MFA Ivan Mizzi ta d-dettalji tar-rapport finanzjarju tal-MFA li din is-sena kuntrarju għal dak tas-sena ta’ qabel kien maħdum fuq 12-il xahar u mhux fuq 10 xhur. Mizzi qasam id-dħul u ħruġ tal-MFA f’diversi setturi.
F’dawk li għandhom x’jaqsmu mat-timijiet nazzjonali, l-MFA għamlet dħul ta’ €2.2 miljun bl-akbar dħul jasal mid-drittijiet tat-televiżjoni tal-partiti kontra l-Iskozja, is-Slovakkja u s-Slovenja. L-ispiża f’dan is-settur fl-aħħar 12-il xahar kien ta’ ftit aktar minn €1.6 miljun fejn 70% ta’ din l-ispiża jikkonsistu fl-istaff tekniku u l-akkomodazzjonijiet u l-vjaġġar tat-timijiet nazzjonali.
Fil-faċilitajiet sportivi, sar telf ta’ €285,995. Il-kawża prinċipali kienu l-aħħar proġetti li saru. Mizzi qal li s-swimming pool f’dawn ix-xhur kellu dħul ta’ madwar €338,000 filwaqt li l-klinika għall-ewwel darba għamlet il-profitt bi dħul ta’ €174,140. Iċ-Ċentru Tekniku wkoll surplus bi dħul ta’ €155,465. It-Teżorier qal li jekk wieħed jelimina l-ispiża tal-istadia minn setturi kummerċjali, kieku hemm surplus ta’ madwar €200,000.
Profitt sar fl-amministrazzjoni tal-MFA fejn id-dħul finali kien ta’ €3.915,885 miljun kontra l-ispiża ta’ €1.532, 695 għal surplus ta’ €2.383,190. L-akbar spiża f’dan is-settur kienet is-salarji li jammontaw madwar 51%.
Bħal ma jiġri f’kull rapport finanzjarju, l-MFA tassorbi l-ispejjeż tal-kompetizzjonijiet domestiċi fejn din is-sena ammontaw għat-total ta’ €571,415, bil-ħlas li għandu x’jaqsam mar-referees jammonta għal €322,326.
Għaldaqstant meta wieħed jgħaqqad dan kollu, l-MFA għamlet dħul totali ta’ €7.150,051 filwaqt li l-ħruġ kien ta’ €5.342,725, biex wara li jitnaqqsu l-ħlas tal-interessi u dawk finanzjarji, sar surplus ta’ €1.690,041.
Minħabba li l-istaġun li għadda beda b’telf ta’ €663,756, meta wieħed inaqqas l-infiq kollu, l-MFA se tkun qed tibda s-sena finanzjarja b’surplus ta’ €632,228. L-assi tal-MFA laħħqu t-total ta’ €15.519,351 miljun.
Fil-fond tal-Football Social Responsibility sar dħul ta’ €96,000 u minbarra dak li kien hemm fil-kont qabel, il-kont bankarju tal-FSR hu ta’ €107,000. Il-kumitat li hu mmexxi mill-President Emeritu George Abela, ippropona li l-baġit ikun maqsum fuq 20 entita bi spiża ta’ €82,000.
Jiġu eletti l-14-il membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA
Waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-MFA saru wkoll l-elezzjonijiet biex jimtlew l-14-il post fil-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA. Għal ħafna mill-postijiet, ma kienx hemm bżonn elezzjoni minħabba li kienu magħrufa dawk li se jkunu r-rappreżentanti.
Kien hemm bżonn żewġ elezzjonijiet. Fl-elezzjoni biex jimtlew żewġ postijiet għall-membri tal-kunsill biex jirrappreżentaw lill-klabbs membri inġenerali, kienu eletti Paul Falzon ta’ St. Andrews b’65 vot u Michael Cutajar ta’ St. George’s bi 63 vot, b’Paul Spiteri ta’ Valletta jġib vot biss anqas.
L-elezzjoni oħra kienet biex jimtlew żewġ postijiet għall-membri tal-kunsill biex jirrappreżentaw lill-assoċjazzjonijiet membri. Il-Perit Mark Borg f’isem il-Futsal Malta Association kien elett b’70 vot filwaqt li l-President tas-SWAN Lino Bartolo ġab 59 vot. Francis Muscat ġab tliet voti anqas.
Għaldaqstant il-Membri kollha fl-Eżekuttiv huma dawn:
Kampjonat Premier – Dione Borg u Ian Micallef
L-Ewwel Diviżjoni – Joe Sammut u Laurence Seychell
It-Tieni Diviżjoni – Raymond Micallef u Mark Pullicino
It-Tielet Diviżjoni – Silvio Galea u Cory Greenland
Membri tal-Kunsill f’isem il-klabbs – Paul Falzon u Michael Cutajar
Membru tal-Kunsill f’isem il-YFA – Joe Micallef
Membru tal-Kunsill f’isem il-GFA – Samuel Azzopardi
Membri tal-Kunsill f’isem l-Assoċjazzjonijiet Membri – Mark Borg u Lino Bartolo.