L-eks Prim Ministru Britanniku, Tony Blair, qal li xi mexxejja tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu lesti biex juru aktar flessibbiltà rigward il-moviment ħieles tan-nies, bil-għan li r-Renju Unit ‘ikun jista’ jkompli jifforma parti mis-suq komuni’.
Tony Blair, li kien qed jitkellem waqt il-programm Today tal-BBC, sostna li r-Renju Unit għandu quddiemu l-għażla li ‘ikompli fi ħdan UE li tkun għaddiet minn proċess ta’riforma’. Filwaqt li Blair qal li mhux beħsiebu jiżvela diskursati li kellu fl-Ewropa, hu, fl-istess ħin, enfasizza li dak li qiegħed jgħid ma jridx jitqies bħala kliem fieraħ.
Il-Gvern ta’ Londra għadu jinsisti li l-proċess tal-Brexit – fejn ir-Renju Unit jispiċċa bħala membru tal-UE – għandu jagħti lill-Britanniċi kontroll akbar fuq il-fruntieri ta’ pajjiżhom.
Intant, Tony Blair – li jinsisti li fadal lok għal kompromess ( bejn Londra u l-UE) rigward il-moviment ħieles taċ-ċittadini – sostna, waqt il-programm, li s-sitwazzjoni fl-Ewropa, illum, hi differenti minn ta’ sena ilu, meta r-Renju Unit ivvota biex iħalli l-Unjoni.
‘L-Ewropa, illum, qed tħares lejn il-programm tar-riforma tagħha, bil-ħsieb li l-UE ikollha ċirku ta’ Stati ta’ ġewwa li jkun jifforma parti miz-zona ewro, u, daqstant ieħor, ċirku ieħor ta’ pajjiżi li ma jkunux imsieħba f’ċerti proġetti tal-Unjoni,’ qal Blair. L-eks Prim Ministru Britanniku jemmen li ‘b’dawn ir-riformi l-affarijiet isiru ferm aktar komdi għar-Renju Unit biex isib postu mat-tieni grupp ta’ pajjiżi-membri tal-UE’.
Il-Mexxejja tal-UE, s’issa, qalu li r-Renju Unit ma jistax ikompli fis-suq komuni filwaqt li jkun qed jillimita l-moviment ħieles tan-nies mill-Ewropa.
//= $special ?>