L-Ispanjola Garbine Muguruza rebħet l-Open ta’ Wimbledon meta kontra kull mistenni għelbet lill-veterana Venus Williams. Muguruza, li għad għandha 23 sena ma batietx biex ħarġet rebbieħa bi skor ta’ 7-5 6-0 kontra t-tennista Amerikana.
B’dan is-suċċess Muguruza ċaħħdet lil Williams milli ssir l-ixjeħ tennista li qatt tkun rebħet Grand Slam.
Għal Muguruza dan hu t-tieni Grand Slam li rebħet wara li sena ilu kienet rebħet l-Open ta’ Franza meta fil-finali ta’ dakinhar kienet rebħet kontra oħt Venus, Serena.
Intant, illum tintlagħab il-finali tal-irgiel u se jkunu l-Iżvizzeru Roger Federer u l-Kroat Marin Cilic li jikkontestaw il-finali.
Federer qed ifittex li jsir l-iktar tennista li rebaħ it-turnament ta’ Wimbledon jekk jirbaħ il-finali ta’ llum għaliex jekk jirnexxielu hu jkun rebaħ Wimbledon għal tmien darbiet. S’issa Federer għandu seba’ titli daqs Pete Sampras u William Renshaw. L-aħħar titlu għal Federer f’Wimbledon imur lura għas-sena 2012.
Jekk jirbaħ il-finali kontra Marin Cilic, Federer isir ukoll l-ikbar plejer li jirbaħ dan it-turnament fejn hu dalwaqt jagħlaq is-36 sena.
//= $special ?>