Internazzjonali

It-Turkija tfakkar l-anniversarju tal-kolp ta’ stat

It-Turkija ħejjiet sensiela ta’ avvenimenti biex ifakkru l-ewwel anniversarju tal-kolp ta’ stat fallut fil-pajjiż li rriżulta f’talanqas 260 mejtin u ‘il fuq minn elfejn midruba.

Il-kolp ta’ stat ta’ Lulju li għadda tmexxa minn faxxa ta’ suldati li ppruvaw jaħtfu l-poter lill-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, b’dan l-attentat jisfuma wara sigħat u bl-awtoritajiet f’Ankara jerġgħu jieħdu kontroll tas-sitwazzjoni.

Il-ġurnata tallum kienet iddikjarata festa nazzjonali fit-Turkija. Intant, il-Gvern ta’ Erdogan ilu l-aħħar xhur jirreaġġixxi kontra kull forma ta’ dissens permezz ta’ kampanja mmirata għal nies suspettati li ġejjin minn diversi setturi u li huma implikati bħala għedewwa tal-poplu potenzjali.

Minn dakinar tal-kolp ta’ stat, il-Gvern Tork keċċa aktar minn 150,000 ħaddiema mill-Istituzzjonijiet tal-Istat, fost azzjonijiet ripressivi simili li komplew għal xhur u  sa lejliet ta’ dan l-anniversarju.

Fl-istess ħin, it-Tmexxija tat-Turkija – li f’dawn ix-xhur arrestat ‘il fuq minn 50,000 persuna — qed tiċħad għall-kritika filwaqt li tinsisti dwar il-ħtieġa li tieħu azzjoni determinata kontra s-sostenituri tal-kolp ta’ stat fil-pajjiż.

Hu minnu wkoll li l-azzjonijiet tal-Gvern Tork kontra n-nies suspettati li appoġġjaw lill-kolp ta’ stat qegħdin jagħtu saħħa ġdida lill-Oppożizzjoni tat-Turkija. Dan meta l-kritiċi akkużaw lill-President Erdogan b’li qed juża l-kampanja ripressiva biex jagħlaq ħalq it-Torok li ma jħaddnux l-istess ideoloġija politika tiegħu.

Fit-Turkija qegħdin isiru wkoll rallies kbar biex ifakkru l-anniversarju tal-kolp ta’ stat, bil-President Erdogan  joħroġ bħala protagonista waqt l-avvenimenti li jfakkru l-aktar żviluppi kruċjali fid-drama ta’ sena ilu — qabel il-konferma tal-falliment tal-attentat mill-golpisti tal-Armata.