Lokali Qorti

Fattiga twettaq 24 serqa minn Lukanda – teħel 18-il xahar ħabs sospiżi

Fattiga ta’ 35 sena mill-Eġittu weħlet 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, wara li ammettiet li serqet diversi oġġetti f’24 darba minn Lukanda f’San Pawl il-Baħar. Il-valur totali tal-oġġetti li serqet jammonta għal €715.

Il-Fattiga, omm ta’ ħamest itfal, kienet arrestata wara investigazzjonijiet mill-Pulizija u li dan wassal biex ġew solvuti 24 serqa.

Jirriżulta li kollox beda wara li matul din il-Ġimgħa diversi studenti barranin li jinsabu Malta biex jistudjaw marru jagħmlu diversi rapporti fl-Għassa tal-Qawra li sabu diversi oġġetti neqsin mill-kmamar tagħhom. Fost ohrajn l-istudenti rrapurtaw li sabu neqsin flus u apparat elettroniku.

Wara dawn id-diversi rapporti, il-mara, li kellha aċċess għall-kmamar, ġiet arrestata u wara tfittxija li saret fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar stess instabu l-oġġetti kollha misruqa.

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni qalet li l-oġġetti misruqa kienu flus kontanti, apparat elettroniku u xi prodotti kosmetiċi.

Fil-Qorti l-omm kienet mbikkma hekk kif ingħatat is-sentenza.