Lokali

Ferris: Il-Pulizija injorat il-proċeduri u ma rreġistratx ir-rapporti dwar ħasil ta’ flus

L-eks uffiċjal tal-FIAU jgħid li l-inkjesta hija farsa mill-bidu sal-aħħar

Il-Pulizija ma mxietx mal-proċeduri u ma rreġistratx ir-rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Qal dan Jonathan Ferris, eks invstigatur tal-FIAU meta kien intervistat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta. Ferris tkeċċa mill-FIAU wara li kien ilu jaħdem hemm mill-2016.

Ferris spjega li l-prassi kienet li r-rapporti tal-FIAU jinġabru mill-pulizija mill-uffiċċji tal-FIAU għal iktar investigazzjoni. Ir-rapport jgħaddi r-reġistru tal-Pulizija fejn jingħata numru tas-CID imbagħad jgħaddi għand supretendent li jgħaddih għal spettur għal investigazzjoni. Madankollu, din il-prassi ma ġietx segwita fil-każ tar-rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus minn Keith Schembri. Mistoqsijiet li saru mill-ġurnal lill-Pulizija dwar dan, baqgħu ma ġewx imwieġba.

Waqt l-intervista, Jonathan Ferris jgħid li d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrene Cutajar li mhemmx bażi għal-investigazzjoni dwar Keith Schembri ma treġix minħabba li qabel ma tasal għal din il-konklużjoni, trid l-ewwel tinvestiga l-każ.

Fl-intervista Ferris qal li huwa beda jingħata l-ġenb fl-FIAU wara li whistelblower qalet li l-kumpanija Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru. Meta mistoqsi għalfejn ingħata l-ġenb, Ferris qal li kien hemm min ried li ma jibqax jidħol fil-fond fl-investigazzjonijiet li hemm għaddejja dwar membri tal-Gvern.

Huwa qal li meta beda jara li qed jingħata l-ġenb, huwa talab laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija u talbu biex jerġa’ jingħaqad mal-korp. Il-Kummissarju qallu li aħjar jistenna sa wara l-elezzjoni b’Ferris isir jaf li l-promozzjonijiet fi ħdan il-korp baqgħu sejrin sa lejliet l-elezzjoni. Huwa qabbel it-tkeċċija tieghu mill-FIAU mad-dikjrazzjoni li saret li persuni b’rekord kriminali issa jistgħu jerġghu jingħaqdu fil-Korp tal-Pulizija u qal li huwa qed jingħata l-ġenb minkejja li qatt ma wettaq att kriminali.

Dwar il-każ tal-Egrant, Ferris qal li l-pulizija ħallew l-evidenza taħrab. “Kull ma ried jagħmel il-Kummissarju, qabel mar jiekol il-fenek, kien li jċempel l-Għassa tal-Imsida u jitlob lill-Ispettur jiftaħ inkjesta” qal Ferris li żied li l-inkjesta hija farsa mill-bidu sal-aħħar.

Huwa qal li t-tkeċċija tiegħu tagħmillu unur. “Għamilt xogħli tant tajjeb li riedu jeħilsu minni. Riedu jagħlquli ħalqi.” qal Ferris li saħaq li qiegħed jesplora kif jista’ jikkontesta din it-tkeċċija b’mezzi legali.

Aġġornata bi stqarrija mill-Pulizija

B’reazzjoni, fi stqarrija, il-Pulizija ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru minn Jonathan Ferris u qalet li l-files kienu reġistrati u tmexxew bħal f’każijiet simili. Fl-istqarrija l-Pulizija qalu li huma imxew b’integrità u serjetà.