Kultura Lokali

FILMAT: Bid-dmugħ f’għajnejh, Joseph Bouvet jispjega għaliex ma jistax jibqa’ jikkompeti fil-Ġostra

NET News jiltaqa' ma' Joseph Bouvet, veteran tal-Ġostra li kien ilu jipparteċipa 45 sena - qabel kien sfurzat jieqaf milli jieħu sehem

Joseph Bouvet, jew kif inhu magħruf b’kunjomu, “Il-Bouvet”, se jagħlaq 58 sena. Sa minn meta kellu 12-il sena, ipparteċipa sena wara l-oħra fil-Ġostra tal-Imsida. Imma din is-sena, ma jistax.

Joseph marid b’aktar minn kanċer wieħed. U l-mard affetwalu saqajh. U l-logħba li tant ħabb u għex matul ħajtu, ma jistax jagħmilha aktar.

“Għani ħames cancers, u affetwawli saqajja,” qalilna Joseph li bid-dmugħ f’għajnejh irrakkuntalna kif sħabu ma ħallewhx joqgħod id-dar, għax lil Joseph bħala veteran tal-Ġostra, iqisuh parti mill-familja.

Isem Il-Bouvet huwa sinonimu fl-Imsida. Għex u trabba għall-Ġostra, li darba f’sena tagħti gost lil mijiet li jarawha. U sa minn ċkunitu, Il-Bouvet kien involut sew fit-tħejjijiet marbuta ma’ din il-kompetizzjoni.

“Xogħli kien li nħejji l-Ġostra u nidlek l-arblu bix-xaħam, biċċa xogħol iebsa,” rrakkuntalna Joseph, li qalilna li għalih, il-Ġostra hija l-mimmi t’għajnejh.

“Kemm nixtieq bħalissa qed nikkompeti magħhom!” qalilna bid-dmugħ f’għajnejh. “Imma x-xitan m’għandux ħalib. Għalkemm xorta ġejt hawn u qed nieħu gost nara lil sħabi jidħqu u jipparteċipaw mingħajr ma jweġġgħu”, żied jgħidilna.

It-tama ta’ Joseph Bouvet hija li mqar jekk mis-siġġu tar-roti, jkun jista’ jgħix sena oħra biex igawdi Il-Ġostra.

“Il-Bouvet għadu hawn, s’issa. Issa naraw is-sena d-dieħla nerġgħux niltaqgħu,” qalilna emozzjonat.

Għalkemm il-parteċipazzjoni fil-Ġostra qed tonqos, l-entużjażmu fost il-membri tal-għaqda Ġostra Imsida għadu kbir. Kif jispjega Duncan Muscat, li ilu aktar minn 20 sena jieħu sehem.

“Għalina tiswa ħafna li tibqa’ ssir. Ma nixtiqux li l-Ġostra tmut għax hija tradizzjoni antika. Kienet issir f’ħafna postijiet qabel, imma hawn Malta baqa’ biss aħna u San Ġiljan”, spjegalna Duncan waqt li esprima x-xewqa li aktar tfal Misidjani jibdew jipparteċipaw.

Il-Ġostra hija logħba antika minn żmien il-Kavallieri. Il-kompetituri jridu jegħlbu l-isfida li jaħtfu bandiera minn fuq arblu twil midluk bix-xaħam. Normalment, il-parteċipant jitlaq b’ġirja minn fuq l-art u jerbaħ biss meta jirnexxielu jaħtaf waħda minn tliet bnadar imwaħħlin fuq l-arblu mdellek. Ħafna drabi, l-parteċipanti jilħqu jiżolqu għal ġol-baħar qabel jirnexxielhom jagħmlu dan.

Din is-sena, l-Imsida qed iżżanżan arblu ġdid, ħames piedi itwal minn ta’ qablu, hekk kif dan ikejjel is-sittin pied. B’kollox hu stmat li għal sitt kompetizzjonijiet jintuża mal-150 kilo xaħam. Aktar kompetizzjonijiet tal-Ġostra jsiru fit-tlett ijiem tal-festa tal-Imsida.

Duncan Muscat iħejji għall-Ġostra billi jdellek ix-xaħam mal-arblu (Ritratt: Martin Agius)