Formula 1 Sport

Hamilton jirbaħ f’Silverstone u jnaqqas id-distakk minn Vettel

Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix tar-Renju Unit f’Silverstone għall-ħames darba fil-karriera tiegħu biex issa naqqas id-distakk mil-leader Sebastien Vettel għal punt wieħed biss. B’din il-ħames rebħa tiegħu fil-Grand Prix ta’ Silverstone, Lewis Hamilton laħaqa ir-rekord ta’ ħames rebħiet ta’ Jim Clarke u Alain Prost.

L-aħħar dawriet kienu diżastrużi għall-Ferrari fejn l-ewwel Kimi Raikkonen u dawra wara Sebastien Vettel kellhom problemi fit-tyres u t-tnejn li huma spiċċaw biex tilfu punti prezzjużi.

Meta kien jonqos żewġ dawriet għat-tmiem, Kimi Raikkonen splodielu t-tyre ta’ quddiem, anki jekk b’xi mod xorta waħda spiċċa fuq il-podium iżda fit-tielet post. Fid-dawra ta’ wara Sebastien vettel li kien fir-raba’ post, kellu inċident simili u bħal raikkonen tilef sekondi prezzjużi u kellu jikkuntenta bis-seba’ post.

Lewis Hamilton rebaħ f’ħin ta’ siegħa 21 minuta u 27.430 sekondi u kien segwit minn Valtteri Bottas ukoll fuq Mercedes li fl-aħħar dawra qabeż lil Raikkonen biex kiseb it-tieni post.

Fit-tielt post spiċċa Kimi Raikkonen fuq Ferrari, segwit minn max Verstappen fuq Red Bull. It-tieni Red Bull misjuqa minn Daniel Ricciardo kisbet il-ħames post filwaqt li fis-sitt post spiċċa Nico Hulkenberg fuq Renault.

Sebastien Vettel kellu jikkuntenta b’sitt punti miksuba mis-seba’ pożizzjoni fi Grand Prix sfortunat kemm għalih kif ukoll għall Ferrari. Wara Vettel daħlu żewġ vetturi ta’ Force India misjuqa minn Esteban Ocon u Sergio Perez, filwaqt li fl-għaxar pożizzjoni spiċċa Felipe Massa fuq Williams.

Fil-klassifika tas-sewwieqa, Sebastien Vettal għadu fl-ewwel post b177 punt, segwit minn Lewis Hamilton li għandu 176, filwaqt li fit-tielet pożizzjoni hemm Valtteri Bottas b’154 punt.

Fil-klassifika tal-kostrutturi Mercedes komplew kabbru l-vantaġġ tagħhom fuq Ferrari fejn Mercedes issa għandhom 330 punt kontra l-275 punt ta’ Ferrari. Fit-tielet post hemm Red Bull b’total ta’ 174 punt.