Lokali

Jeħtieġ il-Partit Nazzjonalista biex terġa’ ssaltan il-ġustizzja f’pajjiżna

Jeħtieġ li fil-pajjiż jkun hawn dejjem tarka li tista’ tiġġieled għal dak li hu sewwa, għal-ġustizzja f’pajjiżna, u dak ix-xi ħadd hu l-Partit Nazzjonalista. Bħalissa, f’pajjiżna, l-ġustizzja ntremiet u l-ħarsien tal-liġi m’għadha tfisser xejn għal dan il-Gvern, għaliex japplikaw il-ġustizzja fejn jaqblilhom biss.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’kollegament telefoniku fuq Radio 101 dalgħodu. Simon Busuttil qal li minkejja li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi nqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jpoġġi miljun ewro fis-sena mill-commissions, ma saret ebda investigazzjoni dwarhom. Dan minkejja li dan kien l-akbar skandlu gravi li ħammar wiċċ Malta mad-dinja kollha. Kien għalhekk, sostna Simon Busuttil, li hu talab lill-Maġistrat biex jiddetermina jekk dan hux ‘textbook case of money laundering’ kif iddeskrivewh il-Membri tal-Parlament Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-intervista tal-eks Spettur tal-Pulizija u eks uffiċjali tal-FIAU Jonathan Ferris ma’ The Sunday Times fejn jiżvela li mhux talli l-Pulizija ma nvestigatx l-iskandlu tal-Panama, iżda talli r-rapporti tal-FIAU lanqas biss ġew irreġistrati. Simon Busuttil qal li din il-persuna twarrbet mill-FIAU malli kien hemm l-investigazzjonijiet dwar Keith Schembri u Joseph Muscat għax hi persuna li tagħmel xogħlha. Simon Busuttil qal li hu biss il-Partit Nazzjonalista li jiġġieled għal dak li hu tajjeb, għas-sewwa u l-ġustizzja.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-proċess li se jibda għada hekk kif jiftaħ il-perjodu biex jintefgħu n-nomini għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Iż-żmien għan-nomini jiftaħ għada filgħodu sal-Erbgħa filgħaxija. Hu spjega li fl-ewwel weekend ta’ Settembru, jkun hemm elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali – madwar 1,500 persuna – biex jintgħażlu żewġ kandidati li mbagħad jikkompetu fil-Konvenzjoni Ġenerali – b’aktar minn 20,000 persuna eliġibbli biex jivvutaw. Dan hu proċess, sostna Simon Busuttil, li juri kemm verament il-Partit Nazzjonalista hu partit tassew tan-nies.

Hu rrefera wkoll għal diversi talbiet biex jikkontesta din l-elezzjoni. Ir-risposta ta’ Simon Busuttil kienet din: “Din mhix kwistjoni li għax ma rridx jew għax qtajt qalbi, iżda hi kwistjoni li meta jkun hemm riżultat elettorali, trid terfa’ r-responsabbiltà għalih. Dawn huma l-istandards u l-irġulija li jien mhux biss nitkellem dwarhom, iżda nemmen fihom u nattwahom.” Hu rringrazzja lil kull min inkoraġġieh u talbu anke b’mod personali biex ikompli jmexxi l-Partit Nazzjonalista.

Hu temm jgħid li mhux se jisparixxi u dak li jemmen fih, se jibqa’ jemmen fih. Fil-fatt, hu qal li filwaqt li jkun hemm min fil-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx ma’ ċertu issues, kulħadd jaqbel li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jirrapreżenta s-serjetfà fit-tmexxija.