Lokali

Jinstema’ jgħajjat għall-għajjut wara li jaqa’ għoli ta’ tliet sulari

Ritratt mill-arkivji

Żagħżugħ ta’ 20 sena weġġa’ gravi wara li waqa’ għoli ta’ tliet sulari f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ kmieni l-Ħadd filgħodu, għall-ħabta tal-5am fi triq Mikiel Anton Vassalli meta beda jinstema’ għajjat għall-għajjut. Kien f’dak il-ħin li xi persuni li kienu fil-qrib infurmaw lill-Pulizija, li minnufih marru fuq il-post.

Malli waslu, il-Pulizija sabu raġel f’għalqa ma’ ġenb Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li x’aktarx, ir-raġel waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari u ġie fl-għalqa.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena ta’ nazzjonalità Franċiża ttieħed l-isptar wara li ttella’ mill-għalqa bl-assistenza ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li wkoll kellhom jissejħu fuq il-post.

Minn hemmek, ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura fejn kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Triq Mikiel Anton Vassalli hija t-triq li mir-roundabout tal-Kappara tieħdok lejn Paceville. L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.