Mijiet ta’ persuni esprimew ir-rabja tagħhom fuq il-media soċjali wara li f’Ħal Lija tneħħew numru ta’ siġar tal-Ballut biex jagħmlu l-wisgħa għal xogħlijiet infrastrutturali.
Is-siġar tneħħew is-Sibt minn Triq il-Kbira f’Ħal Lija, ftit qabel ir-roundabout li tagħti għall-bypass ta’ Birkirkara. Dan hekk kif qed isir xogħol ta’ twessigħ tat-triq. Jirriżulta li uħud mis-siġar kienu antiki ħafna, saħansitra b’uħud mis-siġar ikollhom iktar minn mitt sena.
Ix-xogħol fl-imsemmija triq qed isir minn Transport Malta. Mas-sit elettroniku The Malta Independent, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi iġġustifikat it-tneħħija ta’ dawn is-siġar billi qalet li s-siġar li tneħħew ma kienux ġo Żonna Barra mill-Iżvilupp jew Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, u għaldaqstant ma kien hemm bżonn l-ebda approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qabel tneħħew.
Intant, is-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi kkonfermat ma’ The Malta Independent li se jkunu qed jiġu mħawwla 10 siġriet oħra kemm fl-Iklin kif ukoll f’Ħal Lija, f’żoni magħżula mill-Kunsill Lokali. Dan biex jikkumpensa għas-siġar li tneħħew mill-Gvern fi Triq il-Kbira.
Intant, mal-gazzetta MaltaToday, l-ambjentalist Alfred Baldacchino qal li l-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera għandu jinżamm personalment responsabbli għat-tneħħija ta’ dawn is-siġar, peress li naqas milli jwettaq il-wegħda li jipproteġi numru ta’ speċi ta’ siġar indiġeni.
L-ambjentalist żied li kien hemm għażliet oħra li l-Gvern seta’ jmur għalihom biex iwessa’ t-triq, mingħajr ma jneħħi siġar li kienu ilhom hemm għexieren ta’ snin.
(Ritratt fuq u ritratt taħt: Is-siġar li tneħħew)
//= $special ?>