Sport

Roger Federer jirbaħ it-tmien titlu f’Wimbledon

Roger Federer għeleb fi tliet sets lill-Kroat Marin Cilic biex rebaħ għal rekord assolut ta’ tmien darbiet it-turnament prestiġjuż ta’ Wimbledon. Federer rebaħ bil-punteġġ ta’ 6-3, 6-1, 6-4, b’Cilic ikollu wkoll jiddewwa mit-tobba matul il-logħba.

Roger Federer b’hekk kompla kabbar is-suċċessi tiegħu f’turnaments Grand Slam, fejn is-suċċess tal-lum kien id-19-il titlu Grand Slam fil-karriera brillanti tiegħu, kif ukoll it-tieni wieħed din is-sena wara s-suċċess fl-Open tal-Awstralja fil-bidu ta’ din is-sena.

Bi plejers bħal Rafael Nadal, Novak Djokovic u l-holder Andy Murray kolla ma jaslux sas-semifinali, Federer kien sar l-ikbar favorit li jerġa’ jirbaħ dan it-turnament wara nuqqas ta’ ħames snin bl-aħħar suċċess tiegħu ikun fl-2012.

Federer beda l-finali fuq nota stunata b’diversi żbalji u anki għamel double fault fuq is-service, iżda fl-agħar mument  tiegħu irnexxielu jikseb break mis-service tal-avversarju biex mar 3-2 minn fuq u wara rebaħ tliet games konsekuttivi biex rebaħ l-ewwel set 6-3.

Fit-tieni set Federer beda b’vantaġġ ta’ 3-0 u hawnhekk Marin Cilic kellu jiddewwa mit-tabib għaliex kien muġugħ. Minkejja li kompla Federer rebaħ dan is-set faċilment 6-1, u wara li ntemm it-tieni set Cilic reġa’ kellu bżonn ikun medikat  u kompla jilgħab b’siequ x-xellugija nfaxxata.

It-tielet set kien forsi l-iktar wieħed bilanċjat iżda Federer kiseb il-break deċiżiv fis-seba’ game biex żamm dan il-vantaġġ u b’hekk aċċerta ruħu mit-tmien titlu ta’ Wimbledon.