Futbol Sport

Francesco Totti jiddeċiedi l-futur tiegħu

Francesco Totti se jibqa' ma' Roma

Wara li fit-28 ta’ Mejju lagħab l-aħħar logħba tiegħu, Francesco Totti se jkun qed jirritorna mal-klabb ta’ Roma, mhux bħala plejer iżda bħala diriġent. Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-istazzjon tal-klabb, Totti qal li jittama li jirrepeti dak li għamel fil-pitch. Hu qal li ħa l-ħin tiegħu biex jaħseb u jirrifletti u sostna li jrid iż-żmien biex jifhem l-irwol tiegħu.

Totti għamel referenza għal dik il-ġurnata meta lagħab għall-aħħar darba. L-eks plejer qal li għalih kienet ġurnata storika, importanti u li se jġorrha dejjem miegħu. Hu sostna li hi diffiċli biex jispjega lin-nies is-sensazzjoni u l-emozzjonijiet li kellu u ammetta li ma ried qatt li l-partita tispiċċa.

Il-leġġenda ta’ Roma tkellem fuq l-isfida tiegħu fejn qal li bħala plejer u diriġent huma żewġ affarijiet diffierenti għaliex bħala plejer kien ix-xogħol prinċipali tiegħu filwaqt li issa għal dan ix-xogħol se jkun xorta qed jagħmel dan bl-istess spirtu u ħsieb, iżda bħala eks plejer jista’ jagħti daqqa ta’ id akbar.

Hu qal li għandu bżonn iż-żmien biex jidra l-irwol li jippreferi realment, iżda tenna li għandu l-fortuna li jaf l-ambjent u l-belt ta’ Ruma.

Totti żied jgħid li għandu l-possibbiltà li jaħdem mad-direttur sportiv Monchi, mal-President James Pallotta, mad-Direttur Eżekuttiv Mauro Baldissoni u mal-kowċ Eusebio di Francesco. Hu qal li ċċara xi dubji li kien hemm mal-President u issa jinsabu kuntenti li se jkunu qed jaħdmu biex jgħollu isem il-klabb kemm jista’ jkun fl-għoli.