Sport Sport Ieħor

Il-kontinġent Malti jitlaq lejn il-Bahamas għal-Logħob taż-Żgħażagħ tal-Commonwealth

Il-kontinġent Malti li se jkun fil-Bahamas

Dalgħodu, il-kontinġent Malti ħalla pajjiżna fi triqtu lejn il-Bahamas biex flimkien ma’ 1,300 atleta jieħdu sehem fil-Logħob taż-Żgħażagħ tal-Commonwealth.

Dawn il-logħob li jibdew għada u jibqgħu għaddejjin sal-Ħadd 23 ta’ Lulju, huma meqjusa bħala l-akbar edizzjoni b’total ta’ 70 nazzjon. Malta se tkun rappreżentata minn ħames atleti fl-atletika u fl-għawm, bl-etajiet tal-parteċipanti se jkunu bejn l-14 u t-18-il sena.

Fl-għawm se jkun hemm tliet għawwiema li se jipparteċipaw. Kristina Fino se tieħu sehem fil-50 u 100 metru Freestyle u fil-50 u l-100 metru Butterfly, Francesca Falzon Young se tieħu sehem fil-50, 100 u 200 metru Freestyle filwaqt li Thomas Wareing se jieħu sehem fil-200 metru Backstroke, Freestyle u Medley Individwali, kif ukoll fl-400 metru Medley Individwali. Falzon Young u Wareing ikkompetew għal Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’San Marino ftit ġimgħat ilu fejn Wareing kiseb il-midalja tal-bronż fil-4x100m. Il-kompetizzjonijiet se jibdew l-Erbgħa fil-Kumpless Nazzjonali tal-Għawm Betty Kelly-Kenning.

Mill-atletika se jkunu Nassim Dardouri u Jacob Elaida Chaffey l-parteċipanti ta’ Malta. Dardouri se jikkompeti fil-100 metru, fil-200 metru u fl-400 metru filwaqt li Chaffey se jikkompeti fil-200 metru. L-ewwel heats jibdew il-Ħamis 20 ta’ Lulju fl-Istadium Thomas A. Robinson li nfetaħ apposta għal dawn il-logħob.

Paul Sultana li hu wieħed mid-Diretturi tal-Kumitat Olimpiku Malti, se jkun ix-Chef de Mission bl-għajnuna tal-uffiċjal tat-tim Isabelle Zarb. Francesca Falzon Young se tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija, bil-kontinġent Malti jirritorna lura fil-25 ta’ Lulju.